Knisja Lokali

Ordinazzjoni ta’ tliet saċerdoti ġodda fil-Konkatidral

Is-Sibt filgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta, saret quddiesa bl-ordinazzjoni ta’ tliet saċerdoti żagħżagħ li tmexxiet mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof qal lis-saċerdoti l-ġodda li dan il-pass li qed jieħdu hi tweġiba għall-imħabba ta’ Alla għalihom. Hu kompla jgħid li fil-ministeri tagħhom, bl-għajnuna tal-Mulej, huma se jkomplu l-missjoni tal-fejqan fil-kommunitajiet tagħhom.

Sostna li huma se jiltaqgħu ma’ diversi Enea fil-ħajja tagħhom bħala saċerdoti – nies li fil-ħajja spiritwali jħossuhom mifluġa. Iżda bl-eżempju u l-gwida tagħhom, il-Mulej se jfejjaqhom. Bil-qawwa tas-saċerdożju mogħtija lilhom, il-Mulej qed jinqeda bihom biex iwassal il-ħajja fejn hemm il-mewt.

Temm billi jgħid li jridu jkunu umli biżżejjed biex f’riġlejn Ġesù jitolbuh kuljum għall-fejqan tagħhom, għat-tiġdid ta’ ruħhom, għax hu fl-imħabba tiegħu sejħilhom għall-glorja tiegħu ta’ dejjem.

It-tliet saċerdoti ġodda huma Dun Malcolm John Saliba mill-Parroċċa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema f’Ħ’Attard, Dun Karl Andrew Schembri mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija fil-Mellieħa u Patri Rob Rizzo SJ mill-Kumpanija ta’ Ġesù.