Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-għalliema u l-edukaturi jixirqilhom pagi u kundizzjonijiet aħjar
Kundizzjonijiet tajbin u salarji adegwati għall-għalliema u l-edukaturi kollha hi waħda mill-prijoritajiet ewlenin fil-qasam edukattiv għall-Partit Nazzjonalista. B’mod evidenti, il-Partit Nazzjonalista ilu għal dawn l-aħħar xhur jitkellem favur titjib konsiderevoli f’dan ir-rigward għax jemmen, bħalma dejjem għamel, fl-għalliema u l-edukaturi kollha f’kull grad u f’kull settur.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern u l-edukaturi għadhom qed jinnegozjaw il-Ftehim Settorjali, bil-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela u Clifton Grima jagħtu ż-żidiet imwegħda fis-salarji lill-għalliema kollha u mingħajr aktar dewmin wara li f’Novembru li għadda l-iskejjel waqfu biex ikun osservat strajk nazzjonali għax il-Gvern ma resaqx quddiem il-Union bil-pakkett finanzjarju xieraq.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jifhem is-sensittività ta’ negozjati ta’ din ix-xorta, u jafferma li mhux parti mill-mejda tan-negozjati, jifhem ukoll li l-għalliema u l-edukaturi kollha, wara xhur ta’ stennija, issa jingħataw dak li ħaqqhom biex il-professjoni tagħhom tkun elevata u mogħtija dak li bi dritt għandu jkun tagħha.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-Union ikkonċernata li qed tinnegozja f’isem l-għalliema u l-edukaturi kollha u tħeġġiġha żżomm il-proċess kollu trasparenti u kompletament aċċessibbli. Jappella wkoll biex il-Gvern jagħraf darba għal dejjem l-għodda imprezzabbli li għandu fil-professjonisti li jservu lil ulied pajjiżna.
Kull ġurnata li tgħaddi hi ġurnata mitlufa biex l-għalliema u l-edukaturi kollha jħossuhom apprezzati, meħtieġa u rispettati mill-Gvern. L-istess appell, il-Partit Nazzjonalista jagħmlu fir-rigward tal-MCAST, li bħalissa wkoll għadu qed ikun negozjat il-Ftehim li jirrigwarda lil-letturi tal-Kulleġġ u li wkoll jixirqilhom parità fl-istima ma’ letturi oħrajn li jgħallmu l-ogħla livelli ta’ MQF.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn tiegħu favur is-settur edukattiv għax jemmen li l-edukazzjoni hi l-qofol tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku. Itenni li l-investiment li jsir fl-għalliema u l-edukaturi kollha hu wkoll investiment fit-tfal u fiż-żgħażagħ.
Dan kollu intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Ministers Justin Schembri u Ivan Castillo.
//= $special ?>