Lokali

SKANDLU BENEFIĊĊJI: L-eks xufier ta’ Andy Ellul jistaqsi lill-Ministru Falzon min kien joħroġ l-ordnijiet lill-Bord Mediku

Michael Falzon għadu ma ċaħadx il-parteċipazzjoni tal-person of trust tiegħu

Min kien jordna r-rikonsiderazzjonijiet tal-Bord Mediku kontra l-liġi? Kif kienu jiġu approvati, fid-dipariment li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħek…kontra l-liġi?

Huma dawn iż-żewġ domandi li staqsa s-Sibt filgħodu lill-Ministru Michael Falzon, l-eks xufier tas-Segretarju Parlamentari Andy Ellul Roger Agius.

Agius jinsab akkużat, flimkien mal-Eks deputat Laburista Silvio Grixti u oħrajn – bl-involviment tiegħu fl-iskandlu tal-benefiċċji soċjali b’miljuni ta’ ewro jittieħdu b’mod illeċitu minn but il-poplu Malti u Għawdxi…f’benefiċċji li persuni ma kienux intitolati għalihom.

Huwa għamel dawn id-domandi indirizzati lil Falzon wara li fil-jiem li għaddew quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello instema’  jekk ċertu Mark Calleja, person of trust tal-Ministru Falzon magħruf ukoll bħala Gulija…kienx hu li jordna r-reconsiderations għal dawk li ma kienux jgħaddu mit-test biex jieħdu l-benefiċċji ….u kien ukoll jibgħat ‘screen shot’ minn fuq il-mobile u jordna lill-Bord biex min ma jkunx għadda jispiċċa jgħaddi u jieħu l-benefiċċji. Id-Direttur tas-Sigurta Socjali qal li ma jafx dwar dan.

Wara tali allegazzjonijiet li issa qed jimplikaw direttament lil Ministeru għas-Sigurtà Soċjali – s’issa ma waslet ebda ċaħda.

S’issa jidher li hemm ‘il fuq minn 200 każ investigat mill-Pulizija, bil-lista mistennija tkompli tiżdied.

Fost il-persuni li bbenefikaw minn dawn il-benefiċċji soċjali li ma kienux intitolati għalihom hemm mara li kienet tniżżlet bħala ipparalizzata – liema mara madanakollu quddiem il-bord mediku…daħlet timxi.

U minkejja dan xorta waħda ingħatat l-barka biex tingħata l-benefiċċji.

S’issa ebda ċaħda minn naħa tal-Minsitru Michael Falzon jew mill-Ministeru bid-domandi jkunu ċari – min–kien jitlob lil Bord Mediku biex jirrikunsidra talbiet mhux aċċettati….u kif kienu jiġu approvati?

Il-poplu, li ġie ffrodat u li huwa l-vittma f’dan kollu, għadu qed jistenna tweġiba.