Lokali

Wake-up call oħra u l-Gvern għadu jistenna – PN

Jidher illi dak li l-Ministru Dalli sejħet bħala wake-up calls li l-Gvern Laburista kellu sa issa, anke jekk uħud minnhom ħallew vittmi, ma kinux biżżejjed sabiex tittieħed azzjoni effettiva biex tiġi salvagwardjata is-saħħa u is-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.

Sostnew dan fi stqarrija x-Shadow Ministers Stanley Zammit u Ivan Castillo.

Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fis-sena li miet Jean Paul Sofia u fis-sena ta’ wara, ġew irrapurtati 20 mewta fuq ix-xogħol u 55 fil-mija ta’ dawn seħħew fil-qasam tal-kostruzzjoni fejn 60 fil-mija kienu jinvolvu ċittadini Maltin u l-maġġoranza kienu f’impjieg elementari.

Il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-vittma tal-lum u lil dawk kollha li tilfu ħajjithom jew weġġgħu minħabba sistema falluta.

L-inkjesta pubblika dwar x’wasal għat-traġedja ta’ Jean Paul Sofia, li l-Gvern Laburista ma riedx illi ssir, ukoll għarfet illi “Il-problema mhux li tikteb il-liġijiet u tgħaddihom mill-Parlament” u nsistiet għal “rieda politika li tissarraf fl-infurzar tal-liġijiet billi l-entitajiet pubbliċi jingħataw il-mezzi u n-nies sabiex dan ikun jista’ jsir”.

Bid-diskussjonijiet miegħu nnifsu b’kollox il-Gvern Laburista għadu qed ifalli f’dan l-aspett tant ewlieni.

Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li, l-Awtoritajiet, minflok jintilfu fi sforzi li jwasslu għal imkien u red tape li jwasslu biss għal ħela ta’ ħin u spejjeż żejda, għandhom jibnu bis-serjetà lilhom infushom bir-riżorsi, l-għarfien, il-kompetenzi u l-attitudnijiet neċessarji biex isaħħu l-prevenzjoni minn inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol b’periklu.

Il-Partit Nazzjonalista jrid jara l-implimentar b’effiċjenza u effettività ta’ sistemi, fosthom tal-iskills card, li jinkludu it-taħriġ u l-edukazzjoni neċċessarja, inkluż dawk relatati mas-saħħa u sigurtà fil-postijiet ta’ riskju ta’ inċidenti.

Il-Partit Nazzjonalista jemfasizza bl-aktar mod b’saħħtu li minflok il-Gvern jibqa’ jkaxkar saqajh u minflok l-Awtoritajiet jibqgħu siekta, għandhom jaraw u jwasslu r-riżorsi kollha meħtieġa sabiex il-postijiet tax-xogħol tagħna ma jibqgħux ikunu l-altar tas-sagrifiċċju frott in-nuqqas ta’ rieda politika u l-inkompetenza ta’ min qed imexxi.