Dominju Kenjan fil-maratona ta’ Londra hekk kif Alexander Mutiso Munyao u Peres Jepchirchir rebħu l-maratona tal-kapitali Ngliża. Fil-bidu tal-maratona kien hemm applaws għal Kelvin Kiptun ir-rebbieħ tal-edizzjoni tas-sena l-oħra, li tilef ħajtu fi Frar li għadda f’inċident tat-traffiku.
Kien dwell interessanti bejn Munyao u l-atleta mill-Etjopja Kenenisa Bekele li fl-eta’ ta’ 41 sena pprova minn kollox biex jirbaħ għall-ewwel darba l-maratona ta’ Londra iżda fl-aħħar tliet kilometri kien ir-rebbieħ li għamel l-attakk deċiżiv biex rebaħ f’ħin ta’ sagħtejn, erba’ minuti u sekonda.
Bekele champion Olimpiku kemm fuq l-għaxart elef metru kif ukoll fuq il-ħamest elef metru, kellu jikkuntenta bit-tieni post, l-istess pożizzjoni miksuna fl-2017, b’distakk ta’ 14-il sekonda. Il-Brittaniku Emile Cairess kiseb it-tielet post b’distakk ta’ żewġ minuti u 45 sekonda mir-rebbieħ.
Il-maratona tan-nisa kienet mirbuħa minn Peres Jepchirchir li temmet f’ħin ta’ sagħtejn, 16-il minuta u 16-il sekonda. Hi kienet segwita minn Tifst Assefa u Joyciline Jepkosgei li spiċċaw fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
//= $special ?>