Lokali

Editorjal tal-Malta Today – “Li daħħlu lura lil Clint Axisa huwa ħażin”

Huwa ħażin li Clint Axisa iddaħħal lura ma’ entita tal-Gvern. Hekk iddikjara l-editur tal-MaltaToday wara li din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar illi Axisa – attivista magħruf sew tal-Partit Laburista – ingħata job ieħor minkejja li kien tressaq il-Qorti akkużat b’fastidju sesswali fuq kollegi nisa fi Transport Malta.

Clint Axisa jinsab barra fuq bail. U issa, ingħata job f’Infrastructure Malta.

L-attivist tal-Labour qed jiċħad l-akkużi, illi huma serji ħafna; għaliex hemm allegazzjonijiet li hu prova wkoll jikkonvinci li waħda mill-kollegi tiegħu biex ma tiftaħx ħalqha.

L-editur tal-MaltaToday jistaqsi kif l-Għaqda tan-Nisa Laburisti ma qalet xejn dwar din il-mossa skandaluża.

Din il-ġimgħa stess, ix-Shadow Ministers tal-Partit Nazzjonalista Graziella Attard Previ, Mark Anthony Sammut u Claudette Buttigieg stqarrew li b’din il-mossa fejn ġie aġevolat Clint Axisa, għall-Gvern Laburista il-fastidju sesswali sar aċċettabbli.

Il-PN qal illi hu ta’ tħassib li akkużi, fosthom kriminali bħalma hu l-fastidju sesswali, ma jitqisux serji mill-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista insista wkoll li l-Gvern qed iwassal messaġġ ikrah ħafna li l-fastidju sesswali “hu skużabbli; jekk mhux ukoll aċċettabbli,” u li l-vittmi tal-abbuż għandhom joqgħodu kwieti, ma jitkellmux u ma jirrappurtawx għax “min iwettaq abbuż jista’ jkollu l-barka u l-protezzjoni tal-Gvern.”