Lokali

Il-Gvern immexxi minn Robert Abela huwa maqtugħ mir-realtà

Waqt l-attività politika tal-Partit Laburista tal-Ħadd, ħareġ biċ-ċar kemm il-Gvern immexxi minn Robert Abela huwa maqtugħ mir-realtà. Dan għaliex filwaqt li Robert Abela u l-kelliema ftaħru bl-investimenti u l-stabbilità li hawn f’pajjiżna – injoraw għalkollox il-kriżi tal-għoli tal-ħajja.

Il-Prim Ministru minn naħa tiegħu qal li l-Gvern Laburista jemmen fin-nies, u ftaħar bil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Iżda fl-istess waqt, nesa jsemmi l-fatt li tliet kwarti taż-żgħażagħ iridu jitilqu minn Malta minħabba diversi fatturi li ġab il-mudell ekonomiku mħaddem minn Gvern Laburista, fosthom il-bini esaġerat li tiela’, il-kultura politika, it-traffiku u l-inflazzjoni. Minkejja d-diversi appelli li saru minn professjonisti, u nies minn kull faxxa tas-soċjetà, dawn waqgħu fuq widnejn toroxx.

Għalkemm Robert Abela għal darb’oħra nfexx jiftaħar bl-iskema tar-roħs fil-prezzijiet, nesa jsemmi l-baraxx ta’ kritika min-nies għal din l-iskema, b’uħud mill-kummenti saħansitra qalu li din il-mossa hija sempliċiment gimmick – filwaqt illi qalu li għal darb’oħra l-Gvern qed jipprova jidħaq bin-nies.

Hekk kif ninsabu seba’ ġimgħat biss ‘il bogħod mill-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru prova jitfa’ l-bżar fl-għajnejn billi qal li se jagħti aktar għajnuna lill-kunsilli lokali. Dan meta l-kunsilli ilhom snin sħaħ jitkarrbu għal iżjed saħħa u poteri, li originarjament kellhom, iżda ttieħdu mill-Gvern Laburista stess.

Fid-diskors tiegħu, Robert Abela mhux biss ammetta li l-Unjoni Ewropea qed tiffunzjona sew, iżda ftaħar ukoll bil-fondi Ewropej li qed tirċievi Malta – l-istess fondi Ewropej li qed jingħataw grazzi għall-ħidma ta’ Gvern Nazzjonalista.

Minn naħa tagħha, il-President tal-Partit Laburista Ramona Briffa qlet li l-ġid li ħoloq il-Gvern Laburista qed jerġa’ jiġi investit fin-nies. Dan meta evidentament in-nies li rreferiet għalihom huma dawk tal-qalba, u mhux il-poplu Malti.

Ramona Briffa kompliet tgħid li kull budget, li qed joħorġu huma li huwa budget bla taxxi – xi ħaġa li mhux biss hija impossibli, iżda evidentament gidba, speċjalment meta l-COLA għadha qed tiġi intaxxata.

Minn naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg qal li grazzi għall-Gvern Laburista, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma raħsu. Dan, minkejja li diversi persuni kemm-il darba li tkellmu magħna qalulna li ma rawx roħs fil-kontijiet, iżda fil-fatt esperjenzaw żieda drastika fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.