Internazzjonali

Il-Gżejjer Kanarji: Rabja kbira għat-turiżmu tal-massa li kisser l-identità — u l-ħajja — tar-residenti

i

Ir-residenti fil-Gżejjer Kanarji – l-arċipelago ta’ Spanja fl-Oċean Atlantiku — mhumiex se jittolleraw aktar il-mudell tat-turiżmu attwali li naqqrilhom sew mill-kwalità tal-ħajja minbarra li qed jirrendi l-ambjent insostenibbli għall-familji li ilhom jgħixu hemmhekk għal snin.

Intant, il-gruppi kbar tad-dimostranti li, fi tmiem il-ġimgħa, ħarġu jipprotestaw kontra t-turiżmu tal-massa u bla kontroll qalu li huma mhumiex kontra t-turisti iżda kontra l-awtoritajiet u l-politika tagħhom li kissret l-identità tal-Gżejjer …‘Gżejjer li qed jitħallew imutu fost il-kilba kbira għall-flus’.

Il-protesti ewlenin saru f’Tenerife u fejn in-nies sejħu biex l-awtoritajiet jillimitaw it-turisti lejn l-inħawi għal żmien temporanju.

Ir-residenti fil-Gran Kanarja – jew gżejjer – huma mdejqin l-aktar bis-sistema li tippermetti l-kiri bla rażan tal-akkommodazzjoni fuq żmien qasir u l-iżvilupp tal-lukandi; bil-konsegwenza li l-prezzijiet tad-djar fil-lokalità sparaw ‘il fuq sew, tant li ftit huma r-residenti li jaffordjaw li jixtruhom.

Il-protesti ta’ tmiem il-ġimgħa f’Tenerife, intant, kienu appoġġjati minn diversi movimenti għall-ħarsien tal-ambjent bħal Greenpeace, il-WWF, Ecologists in Action, Friends of the Earth u SEO/Birdlife.

Intant, saru wkoll id-dimostrazzjonijiet f’Madrid u Barċellona, fejn in-nies li attendew esprimew solidarjetà sħiħa mad-dimostranti fil-Gżejjer Kanarji.

Meta kellmu lill-istampa, l-attivisti ewlenin ma żammewx lura mill-kundanna għall-mudell tat-turiżmu li wassal għad-deterjorazzjoni kontinwa tal-Gżejjer Kanarji.

Huma sostnew li  l-introjtu mit-turiżmu u l-iżvilupp tat-turiżmu mhumiex qed ikunu riflessi fis-soċjetà inkella fit-titjib tal-livelli tal-għajxien għar-residenti.

Fl-istess ħin, grupp ta’ residenti minn Carnarias se Agota ingħaqdu f’sawma ta’ ġimgħa bi protesta kontra l-bini ta’ żewġ proġetti lussużi għat-turiżmu li għandhom ikopru medda kbira ta’ art fin-Nofsinar ta’ Tenerife….Proġetti li l-attivisti favur l-ambjent iqisuhom bħala ‘illegali u għal kollox superfluwi f’din is-sitwazzjoni’.

Fl-aħħar sigħat, il-pulizija qalu li fil-protesta ta’ tmiem il-ġimgħa fil-Gżejjer Kanarji attendew madwar 20,000 – iżda l-organizzaturi tad-dimostrazzjoni qed jinsistu li l-ammont, fil-fatt, kien tlett darbiet akbar u li attendew ‘il fuq minn 60,000 ruħ.