Lokali

“Il-PN ġab il-bidla f’pajjiżna bil-ħidma effettiva tiegħu” – Mark Anthony Sammut

Ritratt: Matthew Tabone

“Pajjiżna għandu bżonn Gvern effettiv; Gvern li jġib l-interess tal-poplu l-ewwel u qabel kollox u huwa l-Partit Nazzjonalista li jista’ jkompli b’din il-ħidma effettiva li diġà qed issir mill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni.”

Sostna dan il-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut waqt id-diskors tiegħu fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kunsill Ġenerali ngħata bidu mill-President tal-Kunsill Ġenerali Mark Anthony Sammut li fakkar li dan qed isir propju għaxart ijiem biss qabel ma’ jkun iċċelebrat Jum il-Ħaddiem bil-Partit Nazzjonalista ilu numru ta’ ġimgħat għaddej bil-ħidma tiegħu b’numru ta’ żjarat f’trade unions varji.

Kien għalhekk li Mark Anthony Sammut iddedika minuta ta’ silenzju għall-vittmi tal-kostruzzjoni kif ukoll għal dawk kollha li għaddew minn abbuż fuq il-post tax-xogħol.

Huwa spjega wkoll li dan il-Kunsill Ġenerali se jkun qed jagħti ħarsa lejn il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista matul l-aħħar sena fejn huwa ddeskriva l-ħidma bħala waħda effettiva. Fost l-oħrajn huwa fakkar li kien il-Partit Nazzjonalista li ġab l-isptarijiet lura u li għadu għaddej b’ħidma sabiex jinġiebu lura l-€400 miljun.

Kien il-Partit Nazzjonalista li rnexxielu jwaqqaf li l-abort jidħol f’pajjiżna u li dejjem żamm il-prinċipji li jħaddan sodi. Apparti minn hekk, kien il-Partit Nazzjonalista li kompla jiġġieled ma’ Isabelle Bonnici sabiex issir Inkjesta Pubblika b’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia – Inkjesta li sabet l-istat responsabbli. L-Inkjesta spiċċat saret anke wara li l-Prim Ministru fil-Parlament qal li qatt mhu se ssir u l-Partit Laburista kien ivvota kontra din l-Inkjesta Pubblika.

Mark Anthony Sammut qal li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa gvern negattiv li jiżra l-firda li jipprova jirredikola dak li jipproponi l-Partit Nazzjonalista u mbagħad il-Partit Laburista jħabbar affarijiet li fil-verità jkun ippropona l-Partit Nazzjonalista xhur jew saħansitra snin qabel.

Fil-qasam tat-toroq u l-infrastruttura l-Gvern huwa bla pjan u bla direzzjoni b’ħafna xogħolijiet għaddejjin f’daqqa bil-konsegwenza li qed ikollna konġestjoni tat-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata. Mark Anthony Sammut saħaq li ma kull jum li jgħaddi qed tidher l-inkompetenza tal-Gvern bit-toroq qed jispiċċaw ftit xhur jew snin wara li jkunu diġà saru – sitwazzjoni li qed toħloq inkonvenjent doppju għall-poplu.

Huwa sostna li fl-Oppożizzjoni diġà ġabu ħafna bidla aħseb u ara kieku l-Partit Nazzjonalista jingħata l-fiduċja fl-elezzjonijiet li ġejjin. Hawnhekk, Mark Anthony Sammut saħaq li f’Ġunju li ġej il-poplu għandu opportunita li juri li mhuwiex kuntent bid-direzzjoni li qabad pajjiżna hekk kif jistgħu juru fiduċja fil-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Il-President tal-Kunsill Ġenerali sostna li f’din l-elezzjoni li ġejja għandna l-opportunita li nuru li rridu l-affarijiet li jsiru differenti bil-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista lesti li jsemmgħu leħinhom għall-poplu, li lesti li jagħtu ġieh lill-pajjiżna.