Lokali

“Seba’ ġimgħat oħra l-poplu għandu l-opportunità li jwassal messaġġ lill-Gvern, li le ma jistax jibqa’ sejjer hekk” – Bernard Grech

Ninsabu f’inqas minn seba’ ġimgħat bogħod mill-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju, li se jiddeċiedu kemm ir-rappreżentanti ta’ pajjiżna fil-Parlament Ewropew, kif ukoll ir-rappreżentanti fil-lokalitajiet, u bil-vot tiegħu, il-poplu jista’ jġib bidla u juri li l-Gvern ma jistax jibqa’ għaddej f’din id-direzzjoni – Gvern li kulħadd jaf li falla milli jindirizza l-problemi li qed jiffaċċjaw in-nies għaliex huwa mifni bil-problemi interni tiegħu, u b’mod speċjali falla wkoll milli jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja.

Dan qalu l-Kap tal-PN Bernard Grech waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fejn sostna li filwaqt li l-Partit Laburista falla lis-soċjetà Maltija, lill-anzjani, lill-familji, u liż-żgħażagħ f’diveri setturi,  il-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet u kommess li jagħti tama lil min tilifha.

Fost oħrajn sabiex tiġi indirizzata l-kriżi tal-għoli tal-ħajja, Bernard Grech insista li l-Partit Nazzjonalista huwa l-unika Partit li għandu viżjoni ħolistika, li tinkludi numru ta’ proposti fosthom iż-żieda tal-COLA m’għandhiex tkun taxxabbli; krediti ta’ taxxa lil min iħaddem biex dan ma jkollux jerġa’ jgħolli l-prezzijiet biex jagħmel għaż-żieda tal-COLA; ikun maħluq fond nazzjonali biex nappoġġjaw lill-industrija li timporta jew tesporta u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-ispejjeż; u naraw li jkun hawn mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda, li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità u li jħallsu aktar lill-ħaddiema tagħna.

L-istess fejn jidħol it-trasport u t-traffiku. Bernard Grech insista li hemm bżonn pjan ċar minn naħa tal-Gvern li jara li l-azzjonijiet tal-Gvern stess ma jwasslux għal iktar traffiku. Dan filwaqt li nassiguraw li ntejbu t-trassport pubbliku u ninċentivaw l-użu ta’ trasport alternattiv.

Dwar l-Ambjent, Bernard Grech semma kif il-Gvern tal-Labour kien ħareġ bl-għajta li l-Ambjent kien ħa jkun verament prijorità għall-Partit Laburista. Iżda ironikament, sa din il-ġimgħa stess, sirna nafu li l-iktar entità li ġiet immultata mill-ERA għax kisret liġijiet ambjentali, huwa ħadd ħlief il-Gvern immexxi minn Robert Abela.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li l-Gvern għandu responsabbiltà li joħloq spazji miftuħa ġodda u mhux jagħti art pubblika miftuħa sabiex tinbena.

Bernard Grech appella sabiex seba’ ġimgħat oħra l-poplu jaqdi dmiru u jgħaddi messaġġ lill-Gvern Laburista, li teħtieġ bidla fid-direzzjoni.

“Fejn ħaddieħor jipprova jiċċensurana, int tista’ tgħinna nwasslu l-messaġġ tagħna, tar-rappreżentanti tagħna.  Fejn ħaddieħor jipprova jsikkitna u jaqtagħlna qalbna, int tista’ tgħinna sabiex flimkien inġibu d-differenza. Kun inti l-bidla li tixtieq tara għal futur aħjar f’pajjiżna, għaliex bil-vot tiegħek tista’ twassal messaġġ lill-Gvern, li le ma jistax jibqa’ sejjer hekk.”