Huwa evidenti li l-Gvern tefa’ l-proġett ta’ link permamenti bejn iż-żewġ gżejjer fuq l-ixkaffa. U allura, jeħtieġ immedjatament li jkollna pjan fit-tul rigward il-konnettività bejn Għawdex u Malta.
Sostna dan Daniel Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Gozo Business Chamber illi appella għal investiment b’saħħtu fis-servizz tal-vapuri bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-Partit Nazzjonalista ilu snin jinsisti mal-Gvern biex isir dan l-investiment, u dwar il-ħtieġa tar-raba’ vapur – u mhux wieħed second hand kif għandha bħalissa l-Gozo Channel, u li mhuwiex jaqdi l-ħtiġijiet tal-Għawdxin, tal-Maltin u tat-turisti li jaqsmu għall-btajjel lejn Għawdex.
Fil-Malta Independent on Sunday, il-Gozo Business Chamber tappella għal direzzjoni ċara u pjanar fit-tul. Dan apparti li għandha tittieħed deċiżjoni dwar it-tip ta’ investiment li hemm bżonn sabiex jissaħħaħ is-servizz ta’ trasport bejn Għawdex u Malta.
Daniel Borg ifakkar li l-flotta preżenti tal-Gozo Channel issa għandha 25 sena. U jekk jiżdied bastiment ġdid…dan għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd u bi standards għoljin biex ma jniġġisx.
Il-Kamra tan-Negozju Għawdxija ma tieqaf hawn. Titkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ aktar investiment fil-portijiet tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa.
Anke hawn, l-aħħar investiment kien sar minn gvernijiet Nazzjonalisti.
Intant, dwar il-fast ferry, Daniel Borg appella sabiex tiġi irranġata l-iskeda u l-ħinijiet tat-traġitti bil-għan li dan is-servizz ikompli jitjieb.
Borg qed jgħid li minkejja kollox, xorta teżisti l-ħtieġa li jitfassal link permamenti bejn Għawdex u Malta.
//= $special ?>