Internazzjonali

L-Ukrajna: Pakkett ta’ għajnuna miliari li jista’ jagħmel differenza kbira fil-gwerra

Il-Kamra tar-Rappreżentanti fl-Istati Uniti, wara xhur ta’ kunsiderazzjoni, approvat pakkett ġdid ta’ assistenza militari lill-Ukrajna li hu ekwivalenti għal aktar minn 50 biljun ewro.

Din l-għajnuna, minkejja li mhix se tħalli riżultati immedjati, mistennija ssaħħaħ bil-kbir il-kapaċitajiet tal-Ukreni biex jirreżistu l-invażjoni ta’ arthom mill-qawwiet tar-Russja…Invażjoni li issa daħlet fit-tielet sena tagħha.

L-importanza tad-deċiżjoni minn Washington qed tkun irrikonoxxuta mhux biss mill-Ukreni iżda anki mill-Alleati tal-Punent – bil-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, jirringrazzja lill-Istati Uniti għal dan il-pakkett li għad jista’ jaqleb il-bilanċ tal-konflitt favur pajjiżu.

L-għajnuna tista’ ssalva l-eluf ta’ ħajjiet fl-Ukrajna. Dan wara li d-destin ta’ dan il-pajjiż deher li kien qed iħoll u jorbot mid-deċiżjoni finali tal-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana f’sitwazzjoni l-aktar delikata.

Intant, is-sitt xhur ta’ dewmien, qabel id-deċiżjoni, kienet frustranti ħafna għall-Ukreni li sofrew bil-kbir mill-offensiva u bumbardamenti tar-Russi fuq numru ta’ bliet u villaġġi.

Dan ukoll meta l-Ukreni naqsulhom il-kunsinni tal-munizzjon huma u jċedu t-territorji lill-qawwiet tal-Kremlin – bil-wasla fl-Ukrajna, ‘il quddiem, ta’ armamenti moderni prodotti mill-Istati Uniti għandha ssaħħaħ bil-kbir il-moral u s-saħħa tal-militar ta’ Zelensky.

Mistenni li l-għajnuna tinkludi  diversi sistemi għal difiża kontra l-attakki mill-ajru – minbarra missili għal fuq id-distanzi kbar u kwantità sinifikanti ta’ balal għall-artillerija. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ dawn l-armi kkontribwixxa għall-aħħar suċċessi tar-Russi li fl-aħħar xhur irnexxielhom jaħtfu medda kbira ta’ territorju Ukren taħt idejhom.

Ladarba taslilha l-għajnuna mingħand l-Amerikani, l-Ukrajna se tkun tista’ tikkonfronta lill-qawwiet tal-ajru tar-Russja b’mod ħafna aktar effettiv, minbarra li żżomm lis-suldati tal-Kremlin milli javvanzaw lejn l-aktar zoni sensittivi tal-pajjiż.