Internazzjonali

Mużika: Spice Girls lura flimkien biex jiċċelebraw għeluq snin Victoria Beckham (Posh Spice)

Il-membri kollha ta’ Spice Girls – l-eks grupp popolari magħmul mit-tfajliet li tawna t-terminu ‘Girl Power’ – reġgħu ngħaqdu għall-ewwel darba f’ħafna snin. Madankollu, ħadd ma għandu jistenna li huma se jirritornaw mill-ġdid fl-istudios  biex jirrekordjaw diska ġdida, meta l-okkażjoni kienet għeluq il-50 sena ta’ Victoria Beckham; darba magħrufa madwar id-dinja bħala ‘Posh Spice’.

Iċ-ċelebrazzjoni saret is-Sibt bil-lejl f’Londra u fost il-mistednin spikkaw il-membri l-oħra ta’ Spice Girls – Melanie Brown, Emma Bunton, Geri Horner u Melanie Chisholm; magħrufin, rispettivament, bħala  Posh, Scary, Baby, Ginger u Sporty Spice.

Fil-fatt, il-membri tal-grupp, li ddebutta fl-1996 bid-diska ‘Wannabe’ u li kien sfaxxa fl-2000, dawru l-arloġġ lura meta, waqt il-party, huma interpretaw il-kanzunetta klassika tagħhom bl-isem ‘Stop’.

Għal dan il-party, organizzat fl-Oswald Privace Members Club f’Mayfair, attendew ukoll diversi ismijiet ċelebri minn kull qasam fosthom l-atturi Tom Cruise u Salma Hayek, l-attriċi u mudella Rosie-Huntington-Whiteley u l-famuż chef Gordon Ramsay.