Lokali

“Naqbel mal-PN li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja ma tkunx intaxxata” – Lino Briguglio

Ritratt: Matthew Tabone

“Naqbel mal-Partit Nazzjonalista li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja ma tkunx intaxxata”.

Dan kien kliem il-Professur Lino Pascal Briguglio, il-Ħadd filgħodu waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Hekk kif spjega illi l-mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja – l-COLA, ma għandix tkun intaxxata jekk verament irridu nnaqqsu l-piż minn fuq il-familji Maltin u Għawdxin. U b’din it-taxxa, dan ifisser li l-kumpens mhux veru kumpens li jpatti għall-għoli tal-ħajja.

Il-Professur spjega illi l-fatt li l-Ministru tal-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri indaħal direttament f’dik li kellha tkun skema għat-tnaqqis fil-prezzijiet bil-għan li jitnaqqas il-piż tal-għoli tal-ħajja, huwa fatt perikoluż immens. Fatt li jista’ jwassal għal ripetizzjoni ta’ dak li ġara fis-snin sebgħin, fejn miżura simili intużat għal skopijiet politiċi.

Lino Briguglio spjega illi fl-istrateġija tal-Gvern kienet li jintagħżlu prodotti bi prezzijiet għoljin, li għandhom piż għoli fl-indiċi tal-prezzijiet biex il-prezzijiet jidhru li raħsu. Fejn insista illi minn Marzu tal-2023 sa Marzu tal-2024, il-prezzijiet fl-Ewropa naqsu ħafna mingħajr ebda indħil dirett tal-Ministri – għal-kuntrarju ta’ dan hawn Malta se jkollna Ministru li jieħu l-krettu għall-fatt li jkunu naqsu l-indiċi tal-prezzijiet.

Intant, huwa tenna li f’Malta haw istituzzjoni li tħares il-prezzijiet fis-suq, dak li huwa l-uffiċju tal-kompetizzjoni – istituzzjoni li suppost iħares l-abbużi fis-suq minflok l-Minstru, kif qed jiġri attwalment.

Il-Professur Briguglio spjega illi fil-liġi hemm żewġ artikli imporanti rigward dan, bl-ewwel artiklu jkun dak li jekk ikun hawn ditti li jfixxklu l-kompetizzjoni, b’dawn l-atti jkunu llegali, bl-uffiċju jkollu l-poter li jara jekk l-importaturi kienx minnu li qed jiftehmu bejniethom. Bit-tieni artiklu jkun li jekk hemm ditta li għandha poter ta’ aktar minn 40% fis-suq ta’ prodott, b’din id-ditta titlob prezzijiet mhux ġusti – ukoll dan ikun illegali. U huwa għalhekk li l-ministru ma kellux għafejn jidħol f’dan ir-rigward – fejn insista illi l-ministru injora totalment il-liġi.

Intant, huwa insista illi t-tnaqqis fil-prezzijiet fis-supermarket hija waħda li ġiet influwenzata politikament hekk kif ma saritx b’mod volontarjat. Bir-riżultat li seta’ jkun hemm konsegwenzi moħbija gġal dawk li ma jimxux mal-linja meħtieġa mill-Gvern.

Huwa spjega illi l-indiċi tal-prezzijiet li jintuża attwalment mhux sistema tajba, b’waħda mir-raġunijiet tkun illi l-anzjani jonfqu aktar fuq l-ikel u l-mediċini bħala proporzjon tal-qliegħ – iżda minkejja dan, dan il-piż fil-mekkaniżmu mhux jiġi kkunsidrat, dan għaliex qed jitqies il-piż medju għal kulhadd, b’riżultat li l-ħajja tal-anzjani għoliet aktar minn kemm għoliet għall-kumplament tal-poplu. U huwa għalhekk illi tenna li l-kumpens gaħħ-għoli tal-ħajja jkun marbut mal-medja tal-qliegħ nazzjonali.

Il-Professur tenna illi l-mudell ekonomiku tal-Gvern għandu jinbidel għaliex mhux wieħed sostenibbli, u għalhekk qabel mal-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. Fejn spjega illi l-mudell ekonomiku li qed jaddotta l-Gvern Laburista huwa mibni fuq cheap labour, hekk kif apparti dan qed isir użu ta’ assi publiċi għal skopijiet politiċi.

Intant, Briguglio enfasizza li dan il-mudell ekonomiku huwa ostaklu għall-kwalità tal-ħajja tagħna, bl’użu ħażin tal-bankini, u toroq perikolużi. Bil-mudell iwassal għal tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja, fejn insista illi jaqbel mall-Partit Nazzjonalista li l-mudell ekonomiku għandu jinbidel.