Lokali

Numru ta’ tfal bl-awtiżmu jispiċċaw jitilfu l-iskola

“Numru ta’ tfal li jbatu bl-awtiżmu għad ma jistgħux jattendu l-iskola, bħal tfal oħrajn, minħabba li s-sistema edukattiva għad għandha bosta nuqqasijiet.” – l-editorjal tal-gazzetta ’Illum’, fil-ħarġa tal-Ħadd sostna dan wara baraxx ta’ kritika dwar is-sitwazzzjoni preżenti fis-sistema edukattiva f’pajjiżna, sistema li tfalli speċjalment lil tfal bl-awtiżmu.

Melvin Attard, li hu kelliem għal ‘The Malta Autism Centre’ sostna mal-gazzetta ‘Illum’ li għad hemm bżonn ħafna taħriġ kemm lil għalliema kif ukoll lill-LSEs. Dan wara każijiet ta’ studenti b’awtiżmu li qed jgħaddu min diversi inġustizzji kuljum, inġustizzji minħabba n-nuqqas ta’ għarfien minn dawk responsabbli. Attard spjega kif is-sistema edukattiva preżenti mhux waħda li hi adattata għal tfal b’awtiżmu u li l-Gvern jeħtieġ li jinvesti ħafna iktar.

Din is-sitwazzjoni titfa’ dawl ukoll fuq il-fatt li bosta studenti bi bżonnijiet varji, qegħdin jispiċċaw jitilfu mill-iskola minħabba nuqqasijiet kbar fis-sistema edukativa, b’nuqqas kbir fl-ammont ta’ LSEs fl-skejjel.

Dawn il-fatturi ma jgħinux tfal bl-awtiżmu, speċjalment b’kunidzzjonijiet ta’ ADHD severa, b’hekk il-ġenituri jkollhom ma jibgħatux lit-tfal tagħhom l-iskola, u kaġun ta’ għada jispiċċaw jitilfu ġurnata xogħol.

Bħala NGO, ‘The Malta Autism Centre’, ppreżentat strateġija lill-Gvern bil-għan li dawn l-inġustizzji, jiefqu darba għal dejjem u fejn hemm bżonn tibdil, iseħħ minnufiħ. B’appell sabiex dawn il-proposti jidħlu fis-seħħ, għaliex s’issa .. ftit li xejn inbidlu affarjiet.