Lokali

“Pajjiżna jixraqlu aħjar bi Gvern li jkollu viżjoni fit-tul” – Alex Perici Calascione

Ritratt: Matthew Tabone

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione qal meta indirizza l-Kunsill Ġenerali tal-PN, li għalkemm l-elezzjonijiet huma dejjem importanti din is-sena dawn l-elezzjonijiet ġejjin f’mument kruċjali hekk kif qed naraw ir-realtà li qed tonqos is-saħħa tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna bil-Partit Laburista ilu jnaqqar mill-poter tal-Kunsilli għal snin sħaħ.

Huwa sostna li kull darba li l-Kunsilli tonqsilhom is-saħħa, qed tonqos is-saħħa tar-residenti tal-lokalità u għalhekk ir-residenti jridu jieqfu lill-Gvern u dan jistgħu jagħmluh permezz tal-vot tagħhom.

Alex Perici Calascione qal li r-reputazzjoni tal-pajjiż tista’ titlifha f’ħakka t’għajn iżda biex tibni reputazzjoni trid taħdem kuljum għaliha u huwa għalhekk li trid tkompli l-ħidma sabiex intejbu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna. F’din l-elezzjoni l-kandidati għandhom dmir akbar sabiex verament jindirizzaw il-prijoritajiet tal-poplu.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa fatt li matul dawn l-aħħar snin ir-reputazzjoni ħadet daqqa ‘l isfel fost l-oħrajn meta pajjiżna spiċċa fil-lista l-griża tal-FATF.

Huwa qal fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej, l-għażliet qed isiru f’nofs realtà fejn il-ħajja dejjem qed togħla, bi splużjoni fil-popolazzjoni, bit-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata – sitwazzjonijiet li qed iħallu impatt fuq kulħadd. Huwa sostna li qed inħallsu l-prezz ta’ politika li ħarset biss mil-lum għal-lum mingħajr viżjoni fit-tul. Alex Perici Calascione saħaq li pajjiżna jixraqlu aħjar dan filwaqt li jeħtieġ li noħorġu mill-vizzju vizzjuż ta’ korruzzjoni.

Huwa fakkar li fl-1 ta’ Mejju niċċelebraw Jum il-Ħaddiem u fakkar fil-ħidma tal-Partit Nazzjonalista favur il-ħaddiema kif ukoll li fl-1 ta’ Mejju nfakkru l-20 anniversarju mis-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea frott il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li dan il-pass kien ta’ benefiċċju kbir għall-pajjiżna u ġabet ħafna opportunitajiet.