Ambjent Lokali

Appell għal diskussjoni u appoġġ biex l-Ambjent isir Dritt Fundamentali f’pajjiżna – PN

Illum, hekk kif qed niċċelebraw Jum id-Dinja, il-Partit Nazzjonalista jfakkar fl-inizjattiva li ppropona xhur ilu, li l-Ambjent għandu jkun rikonoxxut bħala Dritt Fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Din il-proposta, li tressqet wara konsultazzjoni pubblika u l-preżentazzjoni ta’ Abbozz ta’ Liġi, tipproponi bidla storika fil-mod kif pajjiżna jieħu ħsieb l-aspetti ambjentali billi l-Ambjent jingħata l-ogħla protezzjoni fl-ogħla liġi ta’ pajjiżna.

Dan sostnewh ix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Darren Carabott fi stqarrija.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Ambjent m’għandux ikun suġġett għal interessi ristretti jew personali, iżda għandu jitqies bħala dritt universali li jiggarantixxi l-kwalità tal-ħajja għal kull resident ta’ dawn il-gżejjer. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-appell urġenti għal diskussjoni fil-Parlament biex ikun l-appoġġ sħiħ li jħeġġeġ l-adozzjoni ta’ din il-proposta vitali. Il-Maltin u l-Għawdxin għandhom id-dritt li jgħixu f’Ambjent nadif, san u sostenibbli.

Fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li:

– Għall-ewwel darba tingħata l-awtorità għall-infurzar bil-liġi f’każijiet fejn il-Qorti tara li jista’ jkun hemm ħsara ambjentali.

– Id-definizzjoni ta’ Ambjent issir tfisser l-arja, l-ilma u l-art, kif ukoll l-ekosistema u dak kollu li jifforma parti minnha, ir-riżorsi naturali u fiżiċi kollha li jaffettwaw il-ħajja umana.

– Il-kelma Ambjent issir tfisser ukoll il-kundizzjonijiet soċjali, koerenza estetika u attributi kulturali.

– Ma jibqax il-bżonn li turi interess personali biex tiftaħ kawża kostituzzjonali dwar l-Ambjent fil-Qrati Maltin u għalhekk, tingħata aktar saħħa għal skrutinju pubbliku min-nies u mill-għaqdiet.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lid-deputati kollha tal-Gvern biex jingħaqdu mal-Partit Nazzjonalista f’dan l-impenn u jivvotaw favur l-emenda proposta. Din l-emenda tkun qed tipprovdi bażi soda għall-ħarsien u l-għarfien tal-Ambjent bħala prijorità nazzjonali.

Rebekah Borg u Darren Carabott stiednu wkoll lill-poplu Malti u Għawdxi kollu jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista f’din il-missjoni tant kruċjali biex flimkien, nassiguraw futur aħjar għall-gżejjer tagħna. Ejja nagħmlu minn Malta eżempju ta’ kif pajjiż jista’ jħares u jippreserva l-Ambjent tiegħu għall-ġenerazzjonijiet futuri.