Lokali

eSkola għandha ġġorr fiha l-materjal tat-Teleskola – PN

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għat-tnedija tas-sit elettroniku edukattivu eSkola li qed jieħu post it-Teleskola u jinnota li sal-lum il-materjal imtella’ fuq Teleskola (li kienet suċċess minn meta tvarat fil-perjodu inċert tal-pandemija) għadu mhux aċċessibbli kompletament fuq is-sit il-ġdid eSkola. Il-problema tal-migrazzjoni minn sit għal ieħor trid tkun indirizzata minnufih. Dan kien is-sentiment li esprima x-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-snajja, Justin Schembri.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li jinnota li qed jittella’ materjal ġdid u validu fuq is-sit il-ġdid u jinkoraġġixxih, jappella lill-Gvern biex jassigura li l-kontenut kollu disponibbli fuq is-sit Teleskola jkun aċċessibbli wkoll fuq is-sit eSkola, speċjalment issa, fi żmien l-eżamijiet. Il-Partit Nazzjonalista jqis li din l-għodda hi meħtieġa mhux biss għall-istudenti, iżda wkoll għall-għalliema u għall-edukaturi li qed jagħmlu użu kontinwu minnha.

Dan l-appell min-naħa tal-Partit Nazzjonalista jmur lura għal Jannar, meta tressqu diversi Mistoqsijiet Parlamentari dwar l-inċertezza relatata mas-sit elettroniku u li baqgħu ma ġewx imwieġba. Għalhekk, issa jistenna li l-impenn tal-Gvern ma jkunx biss li joffri sit ġdid, bl-iskuża ta’ rebranding, iżda li joffri sit li jservi l-għanijiet meħtieġa u mistennija meta l-għodda diġitali fl-esperjenza edukattiva tal-lum għandha tkun promossa u inċentivata b’kull mod possibbli.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni l-proposta elettorali tiegħu, fejn jimpenja ruħu li jagħmel l-edukazzjoni aċċessibbli għal kulħadd, filwaqt li l-preżenza tal-materjal edukattiv online jista’ jservi biex aktar tfal u żgħażagħ ikollhom aċċess għal tagħlim lil hinn mill-klassi.