Lokali

Farsons tiċċelebra l-Ġublew tad-Deheb tas-Sur Louis A. Farrugia

Farsons iċċelebrat il-Ġublew tad-Deheb taċ-Chairman, is-Sur Louis A. Farrugia, fl-okkażjoni tal-50 sena servizz tiegħu lill-Grupp Farsons. Dan l-avveniment speċjali ttella’ f’The Brewhouse, u għalih attendew il-grupp maniġerjali, id-diretturi, u l-membri tal-familja. Inkixfet ukoll plakka biex tfakkar dan l-avveniment u ġiet issiġillata kaxxa li fiha tqiegħdu diversi oġġetti speċjali ta’ Farsons.

Il-plakka griża skura tal-konkrit b’ittri tad-deheb, tinkludi l-wegħda tas-Sur Farrugia lill-“eluf ta’ ħaddiema li b’xogħolhom għenu biex l-istorja ta’ Farsons issir realtà”. Fiha jirringrazzja lilhom u lill-komunità għall-appoġġ kontinwu tagħhom tul dawn id-deċennji u jwiegħed li jibqa’ leali lejn il-valuri, l-intraprenditorija, u l-ispirtu kreattiv li jħaddan il-Grupp. Tul din is-serata taw it-testimonjanza tagħhom il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Norman Aquilina, id-Deputat Kap Eżekuttiv Michael Farrugia, u l-Uffiċjal Tekniku Ewlieni Neil Lofaro.

L-avveniment serva wkoll biex tiġi ssiġillata kaxxa (kapsula taż-żmien) b’għażla sabiħa ta’ oġġetti speċjali ta’ Farsons li għandhom jibqgħu msakkra bħala tifkira. Fost l-oġġetti ssiġillati magħżula mill-kuraturi u l-managers tal-kollezzjoni, Martin Spiteri u Claire Barbara, hemm numru ta’ pubblikazzjonijiet ta’ Farsons, il-portafoll sħiħ tal-prodotti kummerċjali ta’ Farsons tal-2024, pjanċi antiki tal-istampar magħmula mir-ram, tazza twila antika tal-birra, u ittra miktuba biex tinqara fil-futur mis-Sur Farrugia nnifsu. Din il-kaxxa ssakkret b’għatu tal-konkrit ta’ 100kg u ġiet issiġillata bil-ħsieb li tinfetaħ xi darba ħafna snin oħra fil-futur minn min ikun qed imexxi l-kumpanija dak iż-żmien.

Għalhekk, dan l-avveniment storiku ċċelebra l-imgħoddi, il-preżent, u l-ġejjieni tal-kumpanija u serva ta’ turija ta’ apprezzament għall-50 sena tmexxija u impenn tas-Sur Farrugia u għad-dedikazzjoni sħiħa tiegħu lejn il-grupp kollu u lejn ir-rwol importanti tiegħu biex il-ġrajja ta’ Farsons setgħet tibqa’ tevolvi.