Lokali

Għandha tittieħed azzjoni issa għax żmien il-paroli spiċċa – PN

Illum Robert Abela fl-aħħar qam u qal lill-ġurnalisti li qed jinkwieta dwar in-nuqqas ta’ riżorsi għall-entitajiet li jissorveljaw is-settur tal-kostruzzjoni. Donnu nesa li preċiżament xogħlu hu li jassigura dawk ir-risorżi. 

Hu ironiku li l-istess Robert Abela, li għandu l-poter u r-responsabbiltà biex jagħmel id-differenza, issa jilmenta dwar sitwazzjoni li hu stess hu responsabbli għaliha wara li kien hu stess li wassal għas-sitwazzjoni li qegħdin fiha llum. Din hi l-istess amministrazzjoni li nstabet responsabbli mill-Inkjesta Pubblika dwar il-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia.

Dan hu l-istess Prim Ministru li ma riedx li ssir Inkjesta, iżda mbagħad, meta ma kellux fejn idur, kellu jaċċetta u taparsi skuża ruħu biex issa qed jara f’min se jwaħħal. Evidentament, Robert Abela baqa’ ma tgħallem xejn. 

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li għandha tittieħed azzjoni immedjata u effettiva biex tipproteġi lill-ħaddiema u lill-pubbliku. Kull jum li jgħaddi joħroġ aktar ċar li dan hu gvern bla pjan.

Sadanittant, dwar dan kollu tkellem ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li saħaq li Robert Abela għandu jieqaf jilgħab b’dan is-settur u jara li hemm infurzar denju u xieraq, minflok ma jwaħħal f’kulħadd ħlief fih innifsu.