Futbol Sport

Ħamrun jitilgħu fl-ewwel post biż-żelqa ta’ Floriana kontra Marsaxlokk

(Ritratt: Catriel Farrugia)

L-OPINJONI

M’Xlokk ħasdu għalkollox lil Floriana biex apparti li kważi jinsabu ċerti mir-raba’ post tal-klassifika, għad għandhom ċans żgħir li jistgħu jiksbu t-tielet post. Mill-banda l-oħra, din it-telfa għal Floriana tfisser daqqa ta’ ħarta kbira għall-isfida tagħhom għar-rebħ tal-Kampjonat. Fil-fatt huma bdew din il-ġurnata ta’ logħob b’żewġ punti fuq Ħamrun Spartans, iżda issa jinsabu punt taħthom. Kienet logħba interessanti u kumbattuta fejn ix-Xlukkajri komplew jikkonfermaw li huma wieħed mit-timijiet revelazzjoni ta’ dan l-istaġun. Bi players bħal Bonnici, Messias u Akinbule fost l-oħrajn, għandhom saħħa kbira fit-transizzjoni pożittiva. Floriana naqsu li jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba biex issa jekk jitilfu nhar is-Sibt li ġej kontra Ħamrun Spartans, ikunu mhux tilfu l-logħba biss iżda anki l-Kampjonat.

Sunday Akinbule skorja l-gowl tar-rebħa kontra Floriana (Ritratt: Catriel Farrugia)

Ħamrun Spartans kisbu t-tliet punti li riedu minn fuq Santa Lucia biex issa jinsabu fl-aqwa forma u anki preparati psikoloġikament,  ġimgħa qabel il-partita li possibbilment ser tiddeċiedi r-rebħ tal-kampjonat kontra Floriana. L-Ispartans fetħu b’saħħithom fejn sal-bidu tat-tieni taqsima huma fetħu vantaġġ komdu ta’ tliet gowls biex id-diskussjoni fejn sejra r-rebħa kienet magħluqa. Il-mistoqsija kienet biss b’kemm ser jirbħu. Santa Lucia, fil-bżonn tal-punti daqs l-avversarji tagħhom iżda għal objettivi differenti,  kellhom mument tajjeb fejn skurjaw gowl u għal ftit ma żidux ieħor, iżda mbagħad l-Ispartans reġgħu ħadu l-kontroll tal-logħba. Żewġ pedini importanti għal Ħamrun neqsin, Marcelina u Prsa li kienu sospiżi li issa jirritornaw għal-logħba kruċjali ta’ nhar is-Sibt li ġej.

Il-plejers ta’ Ħamrun Spartans jiċċelebraw il-gowl ta’ Luke Montebello kontra Santa Lucia (Ritratt: Joseph Galea)

Valletta kisbu rebħa importanti kontra Balzan fit-tentattiv tagħhom li jsalvaw posthom fil-Kampjonat Premier b’gowl uniku skurjat lejn l-aħħar minuti tal-ewwel taqsima. Valletta kellhom waħda mill-aħjar wirjiet tagħhom dan l-istaġun hekk kif jidher li qamu għall-okkażjoni għax xejn għajr rebħa ma kienet tissodisfahom. Mill-banda l-oħra Balzan ukoll taw wirja denja fejn forsi ma kinux daqstant b’saħħithom fil-fażi ta’ konklużjoni. B’hekk b’dawn it-tlett punti l-Beltin ikomplu jittamaw fejn minkejja dan, xorta waħda apparti li jridu jirbħu ż-żewġ logħbiet li fadlilhom, jibbażaw ukoll fuq ir-riżultati ta’ timijiet oħra. Sitwazzjoni kumplessa ħafna. Balzan minkejja li f’pożizzjoni aħjar, xorta għadhom mhux ċerti mis-salvazzjoni.

Iż-żagħżugħ Keyon Ewurum beda l-partita mill-ewwel minuta fir-rebħa ta’ Valletta fuq Balzan (Ritratt: Trevor Sollars)

Tliet punti li jiswew mitqlu deheb lil Mosta hekk kif dawn għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 3-1. It-tim immexxi minn Joe Grech irnexxielu jdawwar telfa f’rebħa wara li kienu l-Pawlisti li fetħu l-iskor kmieni fil-partita. Mosta issa jinsabu f’pożizzjoni aktar komda fil-klassifika, xorta waħda bil-mannara tar-relegation fuq rashom.  Kienet logħba bilanċjata u mingħajr wisq azzjonijiet, iżda Mosta għamluha tagħhom b’żewġ goals fl-aħħar parti minn żewġ sostituti. L-aħħar żewġ logħbiet kontra Balzan u Naxxar huma kruċjali għal Mosta. Din it-telfa prattikament fissret li issa ntemmu t-tamiet kollha tal-Pawlisti li jistgħu jipparteċipaw fl-Ewropa fl-istaġun li ġej. Staġun inkonsostenti ħafna b’wirjiet u riżultati mħallta. Tim li għaddej minn mument ta’ transizzjoni

Is-sostitut Jean Paul Farrugia jiċċelebra l-gowl fir-rebħa kruċjali ta’ Mosta fuq Hibernians (Ritratt: Trevor Sollars)

Gżira United kisbu punt importanti sabiex jersqu aktar lejn ċertezza matematika li staġun ieħor ikunu mill-ġdid fil-Kampjonat Premier. Dan wara li huma spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls ma’ Birkirkara. L-Istripes mill-banda l-oħra temmew kull tama li jistgħu jiksbu r-raba’ post tal-klassifika fejn l-unika triq li fadlilhom sabiex huma jipparteċipaw fl-Ewropa hija dik li jirrepetu dak li għamlu s-sena li għaddiet u jirbħu l-FA Trophy. Kienet logħba fi ftit ċansijiet fejn il-logħob żvolġa l-aktar f’nofs il-grawnd. Fil-fatt, il-bidu kien wieħed tajjeb għal-logħba iżda aktar ma’ għadda ħin jidher li t-timijiet kienu aktar attenti li ma joħorġux mit-Tony Bezzina Stadium b’idejhom vojta.

Dwell bejn Paul Mbong ta’ Birkirkara u Lucas Maccula ta’ Gżira fid-draw ta’ bla gowls (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Logħba oħra li ntemmet fi draw ta’ mingħajr gowls kienet dik bejn Sliema Wanderers u Naxxar Lions. Kienet logħba oħra nieqsa ħafna mill-azzjonijiet b’mod partikolari fl-ewwel taqsima. Partita li bħalhom naraw ħafna lejn tmiem l-istaġun hekk kif Sliema Wanderers huma prattikament ċerti għalkemm mhux matematikament minn parteċipazzjoni fl-Ewropa, filwaqt li Naxxar Lions komdi f’nofs il-klassifika. Żewġ timijiet li kellhom staġun tajjeb ħafna wara l-promozzjoni miċ-Challenge League fejn stabbilew ruħhom bħala timijiet li huwa diffiċli ħafna sabiex tilgħab kontrihom.

Lydon Micallef ta’ Sliema Wanderes jittanta xortih kontra Naxxar Lions (Ritratt; Josef Fitzpatrick)

Finalment, Sirens kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva tal-istaġun dan wara li huma għelbu lit-tim tal-qiegħ Gudja United bl-iskor ta’ 2-0. Kienet logħba bejn żewġ timijiet li staġun ieħor ser ikunu qegħdin jilagħbu fiċ-Challenge League biex Gudja United jibqgħu l-uniku tim mingħajr rebħa fl-istaġun. Meta tikkunsidra kollox minkejja li Gudja kellhom staġun diżappuntanti ħafna, fit-tim minn San Pawl il-Baħar kien hemm aspetti pożittivi wkoll fejn bi ftit aktar ħidma u attenzjoni seta’ kellhom staġun ferm aħjar.

INNUTAJNA

LI  ta  min jammira l-partitarji Beltin li minkejja l-pożizzjoni tat-tim fil-klassifika, qed ikomplu juru kif suppost ikun supporter. Li jkun hemm fil-mument diffiċli wkoll mhux fil-glorja biss. In-numru ta’ partitarji li niżlu fit-Tony Bezzina Stadium il-Ħadd jikkonferma dan.

LI  nawguraw lil Mgarr United li fid-decider għar-rebħ tal-Kampjonat Amateur huma għelbu lil Mtarfa bl-iskor ta’ 2-0 biex temmew staġun memorabbli nkurunata bħala Champions.

LI f’Għawdex meta kulħadd ħaseb li ser ikun hemm decider għar-rebħ tal-Kampjonat, nhar il-Ħadd li għadda Nadur Youngsters mill-ġdid Champions wara li huma rebħu l-partita tagħhom filwaqt li Qala Saints ġew miżmuma fi draw. Awguri.   .