Lokali

Id-dejn tal-Gvern qabeż l-€10 biljun: l-istatistika tkompli tikkonferma li d-dejn u d-defiċit żdiedu – PN

Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fi Frar ta’ din is-sena d-dejn qabeż għall-ewwel darba l-€10 biljun. Dan intqal mix-Shadow Minister għall-Finanzi, Graham Bencini.

Issa wkoll, l-aħħar ċifri jindikaw li Malta rreġistrat l-ogħla defiċit fl-aħħar kwart tal-2023 fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, b’9.4%. L-akbar defiċit għoli mill-pajjiżi membri fi ħdan l-Unjoni Ewropea mit-tieni kwart tal-2023 sal-aħħar ta’ 2023. Id-defiċit medju fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar kwart tal-2023 kien 4%, jiġifieri 5.4 punti perċentwali anqas minn dak ta’ pajjiżna.

B’rabta ma’ dan ukoll, fil-kuntest tad-defiċit bħala persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross, f’Malta kien hemm żieda ta’ defiċit ta’ 6.2% fuq it-tielet kwart tas-sena 2023.

Din ix-xejra hi waħda kurrenti għal dak li rajna fl-2022, bil-Gvern għalaq is-sena b’defiċit ta’ €982.2 miljun, ekwivalenti għal 5.7% tal-Prodott Domestiku Gross. Dan ifisser li Malta rreġistrat ir-raba’ l-ogħla defiċit fost l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Id-defiċit medju fl-Unjoni Ewropea fl-2022 kien 3.3%.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni li l-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli, partikolarment fid-dawl taż-żieda fir-rata tal-interessi.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li dan id-dejn kollu hu mażżra ma’ wliedna u wlied uliedna. Ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ u li l-kultura tal-“ma jimpurtanix, kulħadd qed jitħanżer” qed titħallas minn flus il-poplu. Hu anke għalhekk li, minbarra li hu etiku u moralment ġust, Robert Abela u sħabu għandhom jaraw li dak li nsteraq minn pajjiżna jiġi lura.