Internazzjonali

Il-Ġermanja: Miżmumin taħt arrest bħala allegati spjuni għaċ-Ċina

L-awtoritajiet Ġermaniżi żvelaw li arrestaw tliet persuni fuq suspett li huma spjuni taċ-Ċina.

Dan meta s-suspettat ewlieni fosthom qed ikun akkużat bħala aġent għall-Ministeru Ċiniż għas-Sigurtà tal-Istat, fost allegazzjonijiet li hu mexxa network li kien qed juża kumpanija partikulari bħala koperta bl-iskop li tinsteraq data mill-organizzazzjonijiet għal riċerka fil-Ġermanja.

Qed jingħad li t-tliet akkużati setgħu jiksbu ħafna informazzjoni sensittiva li inkludiet id-dettalji tad-disinji għal magna kompatibbli għall-vapuri tal-gwerra u bil-ħsieb li din l-informazzjoni tispiċċa f’idejn iċ-Ċina.

Il-Prosekuturi Ġermaniżi qalu wkoll li l-allegati spjuni kisbu ‘t-teknoloġiji innovattivi għall-użu militari’ permezz tal-kumpanija li huma waqqfu u li, fost oħrajn, kienet tikkuntattja lill-persuni (fil-Ġermanja) involuti fl-oqsma tax-xjenza u riċerka.