Il-Partit Nazzjonalista jinsab inkwetat ħafna bis-sitwazzjoni tal-Probation Officers li ilhom ix-xhur li ddikjaraw li jinsabu fuq strajk minħabba l-attitudni tal-Gvern.
Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad u jesprimi solidarjeta sħiħa mal-Probation Officers fid-dawl tal-ilment tagħhom dwar il-‘case load’ li huma mgħobbija biha, tant li kompliet tiżdied sal-punt fejn il-benessere, is-saħħa u l-kwalità tax-xogħol tagħhom qed ikun affettwat ħażin. Dawn il-ħaddiema jikkontribwixxu lejn is-soċjetà, il-ġustizzja u r-riforma tal-persuna, fejn xogħolhom hu essenjali.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa llum mix-Shadow Ministers Ivan Castillo, Darren Carabott u Karol Aquilina.
Dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, li l-Gvern ma jirreaġġixxix u li jibqa’ jkaxkar saqajh sakemm il-unions tal-ħaddiema ma jkollhomx triq oħra ħlief li jieħdu azzjoni, qed ikun ikkonfemat.
Minbarra l-ħaddiema affettwati, il-Partit Nazzjonalista jtenni li hawn qed ikun affettwat ukoll b’mod dirett il-persuna li qed ikun segwit mid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole, qed ikun affettwat l-allegat vittma li qed jistenna li sseħħ ġustizzja, kif ukoll il-persuni fil-Korp tal-Pulizija mil-lat ta’ prosekuzzjoni, il-ġudikatura, l-istaff tal-Qorti u anke l-avukati. Dan hekk kif dawn id-direttivi, li għandhom id-dritt li jagħmluhom minħabba dak spjegat hawn, qed iwassal biex iweħħel il-proċess kollu ta’ rapporti quddiem il-Qrati, li qed iwaħħal l-għoti tas-sentenzi.
Hu redikolu li, min-naħa l-Gvern għaddej bil-propaganda biex isseħħ riforma fil-proċess fil-Qrati tal-Familja, iżda qed jonqos li jindirizza u jsolvi kwistjoni li ilha x-xhur pendenti.
Ix-Shadow Ministers Nazzjonalisti qalu li n-nuqqas ta’ azzjoni, interess u ħila mill-Gvern li jaġġusta u jindirizza l-isfidi mill-ewwel, qed ipoġġi lill-unions f’pożizzjoni fejn iridu jirreaġixxu. Dan l-aġir ikompli joħloq sitwazzjoni ta’ instabbiltà fil-proċedura ta’ sistemi tar-riformi u fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna, nuqqas kbir u inġustizzja mal-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur, kif ukoll nuqqas lejn is-soċjetà inġenerali u li qed jgħaddu minn dak li għaddew l-edukaturi, il-ħaddiema tal-Università, l-infermieri u l-Pulizija, li sofrew sitwazzjonijiet simili.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja wkoll għall-isforzi u jingħaqad mat-talbiet li qed isiru kontinwament mill-unions tal-ħaddiema, bħall-UĦM Voice of the Workers u l-union li tirrappreżenta lil dawn il-Probation Officers f’dan il-każ. Dawn il-unions qed isibu l-bibien magħluqin mill-Gvern u jkollhom jistennew f’numru ta’ episodji għal xhur sħaħ għal xi laqgħa jew sempliċi risposta. F’dan il-każ ukoll, il-union ma ngħatat l-ebda soluzzjoni u ġustament għamlet dak li kien hemm bżonn isir biex tara li s-sigurtà u l-benessere tal-membri tagħha jkunu ssalvagwardjati.
Ivan Castillo, Darren Carabott u Karol Aquilina appellaw li hemm bżonn li l-Gvern Laburista jieqaf idur mal-lewża u jieħu azzjoni dwar l-isparpaljar ta’ ħaddiema u ta’ riżorsi li għandu jaġixxi fuq l-assessjar ta’ x’riżorsi għandu l-Gvern biex jagħmel l-aħjar użu minnhom.
Dan jinkludi d-Dipartiment tal-Probation u l-Parole, li qed jaħdem b’20 Probation Officer u 4 Senior Probation Officers biss, meta mqabbel mal-madwar 400 persuna li għandhom Ordni ta’ Probation mill-Qorti, madwar 40 persuna fuq liċenzjar ta’ Parole u madwar 10 persuni li qed ikun ikkumpilat rapport tal-parole. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jesiġi li hemm bżonn ta’ għajnuna lill-istaff biex itaffi l-piż tax-xogħol li għandhom bħalissa.
//= $special ?>