Lokali

Il-Kummissjoni għall-Ugwaljanza b’appell b’saħħtu biex il-fastidju sesswali jittieħed “bl-akbar serjetà”

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, bħala l-korp nazzjonali tal-ugwaljanza, fakkret li min iħaddem għandu dmir bil-liġi li jipproteġi lill-impjegati mill-fastidju sesswali.

Din l-istqarrija tal-NCPE ħarġet fl-istess perijodu li fih qam kjass sħiħ dwar il-każ ta’ Clint Axisa; l-attivista tal-Labour li reġa’ ddaħħal mal-Gvern minkejja li għandu kawża pendenti ta’ fastidju fuq kollegi nisa fi Transport Malta.

Axisa issa ngħata job ieħor f’Infrastructure Malta.

Il-Kummissjoni, minn naħa tagħha, qatt ma semmiet lil Clint Axisa. Intqal biss li kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, min iħaddem huwa obbligat li jieħu azzjoni kontra persuni li, wara investigazzjonijiet interni ġusti, jinsabu li kellhom imġiba sesswali mhux aċċettabli. Dan l-obbligu japplika anke meta jkun hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qrati kontra l-persuni akkużati b’din l-imġiba. Dan ifisser li min iħaddem ma jistax sempliċiment iħalli f’idejn il-Qorti u jonqos milli jieħu azzjoni li tipproteġi s-saħħa u l-benesseri tal-impjegati.

Artiklu 9 (2) tal-Kapitolu 456 tal-liġijiet ta’ Malta jgħid li: “Persuni responsabbli għal xi post tax-xogħol, stabbiliment jew enti edukattivi li jipprovdi taħriġ jew gwida vokazzjonali jew għal xi stabbiliment fejn jiġu offruti oġġetti, servizzi jew faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni lill-pubbliku, m’għandhomx jippermettu lil persuni oħra li jkollhom jedd ikunu preżenti fi, jew li jagħmlu użu minn xi faċilità, oġġett jew servizz ipprovdut f’dak il-post, li jġarrbu fastidju sesswali f’dak il-post.”

L-NCPE ittenni li l-fastidju sesswali huwa forma ta’ vjolenza tal-ġeneru u impożizzoni abbużiva ta’ poter u kontroll fuq ħaddieħor.

Ħafna każijiet ta’ fastidju sesswali ma jiġux rappurtati minħabba l-biża’ mill-aggressur u tħassib dwar nuqqas ta’ protezzjoni wara li jkun sar ir-rapport.

Għalhekk, huwa essenzjali li min iħaddem jieħu l-fastidju sesswali bl-ikbar serjetà u attivament iwassal il-messaġġ li ser jittieħdu l-miżuri kollha għall-ħarsien tal-impjegati. Fejn dan ma jsirx, mhux biss jitpoġġew f’riskju l-impjegati, iżda wkoll inaffar impjegati oħra li qed jesperjenzaw fastidju sesswali milli jirrappurtaw il-każ tagħhom.