Lokali

Il-kumpanija li tat konsulenzi lil Muscat qed tiġi obbligata tittermina l-operat tagħha

Il-Malta Business Registry qed jisforza lill-kumpanija Accutor sabiex tittermina l-operat tagħha u tiddissolvi ruħha.

Accutor hija l-istess kumpanija li spiċċat fiċ-ċentru ta’ skandlu ta’ korruzzjoni fuq pagamenti li allegatament ingħataw lill-Eks Prim Ministru Joseph Muscat. Issa, skont it-Times, din il-kumpanija se titqaċċat mir-Reġistru Malti wara li ilha snin ma tippreżenta l-files neċessarji skont il-liġijiet ta’ pajjiżna.

Informazzjoni li kienet ħarġet qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet kienet indikat li l-kuntratt ta’ konsulenzi li ħa Joseph Muscat mingħand il-kumpanija Żvizzera Accutor AG, mhuwiex biss ta’ €60,000. Skont Matthew Caruana Galizia, dan l-ammont kien biss parti żgħira mill-ħlas li kellu jieħu Muscat.

Iben Daphne Caruana Galizia kien stqarr li l-kuntratt li taw Accutor lil Muscat kien ta’ xejn anqas minn €540,000. Fil-fatt, l-Eks Prim Ministru kien qed jingħata €15,000 fix-xahar mingħand din il-kumpanija Żvizzera – u l-pagamenti waqfu biss għaliex il-bank UBS għalaq l-accounts tal-Accutor.

Joseph Muscat minn naħa tiegħu qed jibqa’ jiċħad li għamel xi ħaġa illegali. Għalkemm wara r-raid tal-Pulizija fuq id-dar tiegħu, hu ħadha qatta’ bla ħabel kontra l-Qrati u l-investigaturi. Il-Prim Ministru Robert Abela kellu jbaxxi rasu u jdoqq l-istess diska. Tant li anke Abela nnifsu spiċċa jgħid li “l-istituzzjonijiet għandhom joqogħdu attenti”.

Wieħed irid ifakkar li meta kien hemm it-trasferiment bejn Vitals u Steward, kważi €4m marru direttament għand il-kumpanija Accutor.

Dan ifisser li l-istess kumpanija li tat konsulenzi lil Muscat hija dik il-kumpanija li ħadet il-miljuni mingħand Steward Healthcare.