Lokali

“Imħabba, rispett u għożża” – Bernard Grech iżur lill-ħaddiema u residenti fir-Residenza San Vinċenz

L-anzjani fdawlna pajjiż f’idejna – u huma jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tal-Partit Nazzjonalista.

Dan sostnieh il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech hekk kif issoktaw iż-żjarat bħala parti mit-tħejjijiet tal-Festi tal-1 ta’ Mejju; bil-Kap tal-PN isib ħin iżur lill-ħaddiema u r-residenti f’ San Vinċenz.

Flimkien max-Shadow Ministers Ivan Bartolo u Paula Mifsud Bonnici, kif ukoll il-kandidat għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Louise Anne Pulis, Bernard Grech  iltaqa’ ma’ diversi ħaddiema f’din ir-residenza li tilqa’ u tagħti kura lil numru kbir ta’ anzjani.

Mhux biss infermiera u tobba iżda fost oħrajn membri tas-sigurtà, inġiniera, ħaddiema tal-idejn u skrivana – li l-kontribut tagħhom huwa essenzjali għall-ħidma katina li finalment twassal għall-kura medika tal-anzjani. 

F’kummenti lil Net News, Bernard Grech faħħar l-impenn u d-dedikazzjoni lejn dawn il-ħaddiema.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-anzjani tagħna ma nistgħu qatt ninsewhom, iżda għandna ngħożżuhom, nirrispettawhom, nisimgħuhom u ma nabbandunawhom qatt, mhux biss bil-kliem iżda anke bil-fatti – bil-għan li l-kwalità tal-ħajja tagħhom ma tonqos qatt.

Flimkien mat-tmexxija tar-Residenza San Vinċenz de Paul – il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ġie milqugħ mir-residenti u l-ħaddiema li jagħmlu parti minn din il-komunità.

Huwa irringrazzja lil dawn l-impjegati li jaħdmu f’din ir-residenza tal-anzjani, u ddeskriva l-impjieg tagħhom bħala essenzjali għas-soċjetà