Internazzjonali

Iżrael: Il-massakri tas-7 ta’ Ottubru jistgħu jirriżultaw f’sensiela ta’ riżenji

Mhux eskluż li fil-jiem li jmiss  jirriżenjaw aktar uffiċjali tas-sigurtà Iżraeljani minħabba n-nuqqasijiet tagħhom qabel l-azzjonijiet terroristiċi tas-7 ta’ Ottubru mill-Ħamas f’Iżrael….Azzjonijiet li matulhom inqatlu u ndarbu l-mijiet tal-Iżraeljani f’wieħed mill-akbar jiem suwed fl-istorja ta’ pajjiżhom.

Dan wara li l-Ġeneral Aharon Haliva, għal żmien twil il-kap tas-servizzi sigrieti ta’ Iżrael, ikkonferma li qed jirriżenja mill-kariga fost stqarrija li hu qed jieħu responsabbiltà għall-konsegwenzi ta’ dakinar li daħħlu pajjiżu fi gwerra totali mal-Ħamas.

U minbarra l-Ġeneral Haliva, il-Ġeneral Herzi Halevi, li hu l-Kap tal-Istaff tal-qawwiet Iżraeljani u Ronen Bar, id-Direttur tas-servizzi tas-sigurtà ta’ Shin Bet, it-tnejn assumew responsabbiltà għall-konflitt ta’ Gaza….Dan meta wieħed ‘il quddiem irid jara jekk huma jibqgħux fil-karigi rispettivi jew le.

Il-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani qalu li l-Ġeneral Haliva se jwarrab uffiċjalment ladarba jintgħażel is-suċċessur tiegħu fit-tmexxija tas-servizzi sigrieti.

Fil-verità ir-riżenja tal-Ġeneral kienet ilha antiċipata peress li hu, għaxart ijiem wara l-attakk mill-Ħamas fuq artu, enfasizza li ‘kien qed jerfa’ fuq spallejh il-falliment tad-direttorat tiegħu biex iħares is-sigurtà tal-Iżraeljani.’

Aharon Haliva hu anki l-ewwel uffiċjal Iżraeljan għoli li rriżenja b’konnessjoni mat-terrur tas-7 ta’ Ottubru.

Huwa magħruf, sadanittant, li diversi uffiċjali mal-militar u s-servizzi sigrieti Iżraeljani injoraw jew ma kenux attenti għall-ħafna twissijiet li ngħatawlhom qabel it-terroriżmu storiku.

Issemma wkoll ‘każ kroniku ta’ negliġenza’ fost l-awtoritajiet tas-sigurtà minn ġimgħat qabel il-Ħamas  wettqu l-attakki koordinati ta’ Ottubru fuq il-komunitajiet, il-bażijiet militari u anki s-sit (fid-deżert) fejn kien qed isir festival mużikali għaż-żgħażagħ.