Lokali Qorti

Konfermata sentenza mill-appell dwar abbuż ta’ tfajliet minn ‘care worker’

Il-Qorti tal-Appell kriminali kkonfermat sentenza tal-ewwel Qorti fil-konfront ta’ raġel ta’ 63 sena li kien instab ħati li fl-2018 abbuża minn erba’ tfajliet taħt l-età mingħajr il-kunsens tagħhom u li offrielhom il-flus biex jagħtuh pjaċiri sesswali.

Il-Qorti tal-Appell qalet li ma tara l-ebda raġuni għala għandha tibdel il-piena fil-konfront ta’ Norman Bugeja bil-probation għal tliet snin u multa ta’ €8,000 jibqgħu fis-seħħ. Huwa nstab ħati wkoll li talabhom pjaċiri sesswali, mhux biss bl-azzjoni, iżda bil-fomm u b’mossi bir-raġel seta’ wkoll weħel numru ta’ snin il-ħabs kieku l-piena ngħatat fil-massimu tagħha.

L-imputat argumenta fl-appell li t-tfajliet kienu jagħmlulu ċertu sinjali u li kien jinterpretahom kif jaf hu. Fil-Qorti staqsa li jekk dawn it-tfajliet kienu jqisuh bħala predatur sesswali għaliex kienu joħorġu mill-kamra tal-banju b’xugaman biss imdawwar magħhom.

Bugeja ma nstabx ħati li offenda l-pudur u l-morali b’għemil li sar f’post pubbliku u li wettaq ir-reati bħala uffiċjal pubbliku u dan minħabba nuqqas ta’ provi. Meta nstemgħu l-provi, l-Ispetturi John Spiteri, Joseph Busuttil u Hubert Cini qalu li l-każ seħħ f’dar residenzjali fit-18 ta’ Novembru tal-2018. 

Fl-2022, l-akkużat, li kien jaħdem bħala care worker f’dar residenzjali, ma kienx instab ħati li offenda u waqqa’ l-morali b’għemil li sar f’post pubbliku u li wettaq l-akkużi li ġie mixli bihom bħala uffiċjal pubbliku.

Il-Qorti tal-Appell analizzat il-provi mressqa fosthom dawk ta’ żewġ tfajliet ta’ 16-il sena li għamlu rapport fuq fastidju sesswali f’dar residenzjali fejn kienu qed jgħixu. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija ħareġ li żewġ tfajliet oħra qalu li l-istess raġel kien qed jiffastidjahom.

L-ewwel tfajla li xehdet b’sistema ta’ video conferencing qalet li kienet ġiet Malta ftit xhur qabel ma seħħ il-każ fejn l-akkużat ħafna drabi meta kien ikun xogħol, kien imur f’kamritha fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu u joffrilha €50 biex tagħtih pjaċiri sesswali.

Il-vittma qalet li “kien iqajjimni u jgħidli biex insegwih. Kien ixejjer karta tal-€50, jgħid xi ħaġa u jurini l-parti tiegħu. Xi kultant, kien iqajjimni billi jitfagħli l-ilma f’wiċċi”.

It-tieni tfajla li tkellmet fil-Qorti qalet li l-imputat kien messha u offrielha €20 biex torqod miegħu waqt li kienet qed tagħmel ħasla tal-ħwejjeġ.

It-tielet xhud li kienet ilha tgħix fir-residenza għal madwar xahar u 15-il ġurnata, qalet li “darba kont fis-sodda u rajt lill-imputat imelles saqajn waħda mill-vittmi meta din kienet qed tibki. It-tfajla qaltilna li l-akkużat kien offrielha l-flus biex tagħtih pjaċiri sesswali u wrieha l-parti privata tiegħu”.

Żiedet ukoll li lilha l-akkużat kien talabha tagħtih bewsa fuq il-warda ta’ wiċċu.

Ir-raba’ tfajla qablet ma’ dak li qalu t-tfajliet l-oħra hekk kif ikkonfermat li l-akkużat, li huwa ħaddiem soċjali, kemm-il darba qajjem lit-tfajliet billi jikxifhom u jitfagħlhom l-ilma. Il-Qorti tal-Appell qablet ma’ dak li qalet l-ewwel Qorti li ma tħossx li għandha tinfliġġi piena ta’ priġunerija effettiva anke jekk il-ħtija setgħet tfisser piena minn tlieta snin sa seba’ snin priġunerija.

Dan ghaliex il-fatti inkriminanti ma kinux ta’ tali entita’ li jimmeritaw priġunerija.  Bugeja ġie ordnat iħallas b’€2,334.55 fi spejjeż tal-Qorti. Għalih dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.