L-MUT tat konferma iswed fuq l-abjad li għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil mal-Gvern ta’ Robert Abela dwar il-ftehim kollettiv tal-għalliema.
Fi stqarrija, l-MUT ikkonfermat dan hekk kif f’rappurtaġġ li deher fil-ġurnali tal-Ħadd, intqal li l-MUT aċċettat il-proposta finanzjajra tal-Gvern; xi ħaġa kompletament falza.
Fl-istqarrija intqal li għadu ma ntlaħaqx qbil bejn l-edukaturi u l-Gvern, u li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat.
Din is-sitwazzjoni issa ilha tkaxkar għal xhur sħaħ hekk kif f’Novembru li għadda l-MUT ma kelliex għażla oħra għajr li tħabbar azzjonijiet industrijali, inkuż strajk ta’ ġurnata – strajk li kellu l-appoġġ ta’ 97% tal-edukaturi.
Iżda minn dakinhar tal-istrajk għaddew kważi sitt xhur u l-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli jixxaħħaħ mal-edukaturi filwaqt li qed ikompli jikser il-wegħda li għamel fil-manifest elettorali. Fil-fatt, proposta 251 fil-manifest elettorali tal-Labour tgħid li kellu jkun hemm titjib sinifikanti fil-pagi tal-edukaturi – wegħda li sfumat fix-xejn għaliex l-edukaturi għadhom qed jiġġieldu għal dak li ħaqqhom.
Intant, il-Partit Nazzjonalista ilu jappella lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jagħti lill-edukaturi kundizzjonijiet aktar xierqa mhux bil-kliem biss iżda anke bil-fatti; fost l-oħrajn li jingħataw żieda sostanzjali fil-pagi tagħhom.
Iżda jidher li sa issa l-appelli kollha qed jaqgħu fuq widnejn torox, bid-diskussjonijiet dwar il-ftehim settorjali għadhom għaddejjin.
//= $special ?>