Internazzjonali

L-Ukrajna: Il-pakkett tal-għajnuna mingħand l-Istati Uniti rrabjat ‘iżda ma ssorprendietx’ lir-Russja

Id-deċiżjoni tal-Istati Uniti biex tagħti pakkett sinifikanti ta’ għajnuna militari lill-Ukrajna, bħalma mistenni, qanqlet rabja u messaġġi ta’ kundanna min-naħa tal-Gvern u l-media tar-Russja.

Fl-istess ħin, l-osservaturi barranin irrimarkaw dwar l-arja ta’ rassenjazzjoni f’Moska li kienet qed tistenna dan l-appoġġ lill-Ukreni…Appoġġ li kważi bilfors kellu jingħata wara li l-Ukreni, fl-aħħar xhur tilfu diversi artijiet huma u jikkumbattu lill-qawwiet tal-Kremlin f’pajjiżhom.

Il-pakketta tal-għajnuna li l-Kamra Amerikana tar-Rappreżentanti ivvutat għaliha fi tmiem il-ġimgħa hi ekwivalenti għal aktar minn 50 biljun ewro u mistennija ssaħħaħ bil-kbir il-kapaċitajiet militari tal-Ukreni.

Il-Kamra anki approvat abbozz li jippermetti għall-ħtif u t-trasferiment lill-Ukrajna tal-assi tar-Russi li ilhom żmien iffriżati fl-Istati Uniti. L-abbozz għandu jgħaddi għall-approvazzjoni tas-Senat Amerikan, bl-uffiċjali f’Moska qed jirreferu għall-pass bħala ‘terroriżmu fuq livell finanzjarju’.

Il-Prim Ministru Russu, Dmitry Medvedev, kien fost l-uffiċjali li kundannaw bla riservi l-għajnuna li ngħatat lill-Ukreni waqt li sejjaħ għal Gwerra Ċivili oħra fost l-Amerikani…Gwerra li, skont ma jittama Medvedev, ‘għandha twassal għall-kollass tal-Istati Uniti.’

Iżda fil-Kremlin – minkejja l-mewġa ta’ kritika għall-Amerikani — hemm ukoll l-uffiċjali li aċċettaw l-aħħar żviluppi u, permezz tal-media , qegħdin jippruvaw jimminimizzaw il-konsegwenzi potenzjali għall-invażjoni tal-artijiet Ukreni li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.