Lokali

LifeCycle Malta Foundation tippreżenta donazzjoni ta’ €25,000 lill-RIDT b’appoġġ għar-riċerka tal-kliewi

Il-Fondazzjoni LifeCycle Malta ppreżentat donazzjoni ta’ €25,000 lill-RIDT, b’appoġġ lejn ir-riċerka fil-kliewi fl-Università ta’ Malta.

Din id-donazzjoni sostanzjali se tiggarantixxi riċerka li hi għaddejja fil-mard tal-kliewi poliċistiku (PKD) – marda ġenetika li tikkawża l-iżvilupp ta’ ċisti. Dan iwassal għal tkabbir tal-kliewi, li jġiegħel lill-kliewi jitilfu l-funzjoni tagħhom maż-żmien.

Id-donazzjoni kienet ippreżentata mis-Sur Alan Curry lir-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Alfred J. Vella, fil-preżenza tal-Prof. Edith Said, ir-riċerkatur PhD Natalie Ciantar, il-Prof. Jean Calleja Agius, Il-Prof Emanuel Farrugia, Kap tad-Dipartiment tal-Anatomija, Dr Christian Zammit u CEO tal-RIDT is-Sur
Wilfred Kenely.

Il-Fondazzjoni LifeCycle Malta ilha tappoġġja lill-pazjenti ta’ mard fil-kliewi għal aktar minn għoxrin sena. Il-Fondazzjoni kienet imwaqqfa fl-1999, sabiex toħloq kuxjenza u tħeġġeg għal appoġġ għal pazjenti li jbatu fl-stadju finali mard tal-kliewi.

Il-missjoni tal-LifeCycle Malta Foundation hija li tqajjem kuxjenza dwar mard tal-kliewi, tiġbor fondi għat-trattament ta’ pazjenti renali u tippromwovi r-riċerka fil-kawżi u kura possibbli għall-insuffiċjenza renali.

Din id-donazzjoni hija impenn kontinwu mill-Fondazzjoni LifeCycle Malta fl-appoġġ tal-RIDT. Fil-fatt huma ilhom jappoġġjaw lill-RIDT b’donazzjonijiet regolari għal dawn l-aħħar 10 snin għar-riċerka tal-kliewi.