Lokali Qorti

Mhux ħati li saq b’mod perikoluż meta tajjar raġel f’Għawdex

Raġel ta’ 31 sena minn Marsaskala, ma nstabx ħati mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace li f’Għawdex saq karozza b’ mod traskurat, perikoluż u bla kont, u li b’ nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkaġuna ġrieħi gravi fil-konfront ta’ Loreto Xerri, li huwa minn Għawdex.

L-inċident kien seħħ fl-1 ta’ Novembru tas-sena 2020 fis-5:40am, fi Triq Fortunato Mizzi,i r-Rabat, Għawdex. Il-vittma dakinhar kellu 60 sena u kien intlaqat  minn Luke Busuttil. Mill-provi ħareġ li kollox jindika li l-ligħts tat-traffiku kienu għadhom fuq l-aħdar meta r-raġel ittajjar minn karozza Hyundai.

Il-Qorti qalet li hemm kunflitt ta’ provi dwar kif seħ l-inċident – mhux biss bejn il-verżjonijiet tal-imputat u Loreto Xerri iżda li l-vittma ta verżjoni differenti quddiem il-Pulizija ta’ kif seħħ l-inċident. B’hekk ma hemmx il-livell ta’ provi rikjest fil-kamp kriminali u minħabba f’hekk Luke Busuttil ġie illiberat.

Il-Qorti innotat ukoll li ma nġabet l-ebda prova dwar il-ġrieħi li seta’ sofra Loreto Xerri. Punt ieħor kien il-fatt li Loreto Xerri xehed hekk: “għafast il-buttuna biex jaqleb id-dawl taż-‘zebra crossing’ u ħallejt ftit u qsamt u ma nafx jekk qalibx jew le”. Loreto Xerri xehed li qasam fil-lights ta’ Triq Fortunato Mizzi, Victoria Gozo, meta kienu fuq l-aħdar u ntlaqat minn vettura ġejja minn-naħa tax-xatt.

L-Eks Supretendent Antonello Grech xehed li fl-1 ta` Novembru 2020 kien qed jieħu kafe f’Ta` Maris Bar, ir-Rabat Għawdex, u f`ħin minnhom, li kienu għall-ħabta tal-5.30am jew ftit wara, hu u min kien fil-ħanut semgħu bħala tisbita u li hu dlonk ħareġ barra u ra lill-vittma mal-art mitluf minn sensih.

Qal li kien hemm karozza bil-windscreen imkisser u li dak il-ħin mar fuq il-vittma għax kien qiegħed mindud u ikkoordina biex iċemplu għall-ambulanza. Xi ħamsa jew 10 minuti wara, ir-raġel beda jistejqer u qam u staqsa x`ġara, u x-xhud qallu biex joqgħod hemm u ma jitħarrikx.

Qallu li kien ittajjar minn karozza. Deher konfuż ħafna u qallu li kellu d-demm ma’ rasu. Ftit wara waslet l-ambulanza u u l-Pulizija, u s-Supretendent qal li telaq lejn Malta. Luke Busuttil, xehed li l-vittma litteralment qabeż fuq il-karozza tiegħu meta t-traffic lights kienu ħodor.

“Pumm pumm” qal l-imputat u kollox ġara ta’ malajr. Tenna li ma ra xejn u li kif sema’ l-ħoss fetaħ il-bieba u mar jiġri fuqu, imbagħad inzerta Pulizija li beda  jkellmu. Sostna li ma kienx għaddej bis-saħħa fejn il-vittma spiċċa taħt il-karozza u kien dlam ċappa u niżel mill-ewwel biex jagħtih l-għajnuna.  

“Jien litteralment rajtu minn mal-pilastru ġej djagonali jiena sejjer għan-naħa ta` fuq għaċ-ċentru tar-Rabat u nara persuna, li kien is-Sur Loretu ġej minn mal-pilastru. Qal ukoll li dak il-ħin kien id-dlam.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Charlotte Curmi.