Lokali Qorti

Mixli li kiser is-suba’ ta’ ħuh wara argument fuq magna tal-leħja

Raġel ta’ 52 sena minn Birżebbuġia li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, gie mixli li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi fuq ħuh fejn kisirilu subgħajh wara argument fuq magna tal-leħja. Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni qalet li fl-14 ta’ April, il-vittma ċempel u rrapporta każ ta’ vjolenza domestika fil-hub tal-vjolenza domestika, abbażi tal-ġeneru, f’Santa Lucija.

Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, il-prosekuzzjoni qalet li l-vittma allega li ħuh kellu xi jgħid miegħu fuq magna tal-leħja. Qal ukoll li l-Pulizija akkumpanjaw lill-vittma saċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid fejn aktar tard ittieħed għal aktar osservazzjoni fl-Isptar Mater Dei minħabba li beda jilmenta b’ugigħ f’idu.

Mal-Pulizija, it-tobba tal-emergenza qalu li l-vittma kellu ksur f’subgħajħ u kien qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Irriżulta wkoll li din ma kinitx l-ewwel darba li l-akkużat hebb u hedded lil ħuh, b’xi drabi anke intużat sikkina.

Għall-akkużi miġjubin kontrih, l-akkużat wieġeb mhux ħati. Id-difiża mmexxija mill-avukat Roberto Spiteri talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha u targumenta li din ma kinitx l-ewwel darba minħabba li l-imputat għandu l-vizzju tax-xorb.

Id-difiża ma qablitx u qalet li l-akkużat mhux riċediv filwaqt li l-vittma u l-akkużat ma jgħixux fl-istess residenza. Id-difiża kompliet tgħid li wara li ġrat l-allegata aggressjoni, l-akkużat u l-vittma ltaqgħu kemm-il darba, b’xi drabi anke kielu flimkien fir-residenza tal-vittma.

Il-Maġistrat Charmaine Galea laqgħqet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li ma jagħmilx kuntatt ma’ ħuh, li jiffirma l-għassa ta’ Birżebbuġia darbtejn fil-ġimgħa, u garanzija personali ta’ €5,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati Etienne Savona u Jennifer Polidano f’isem l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Colin Sheldon. Għall-akkużat deher l-avukat Roberto Spiteri.