Lokali Qorti

Mixlija b’serq ta’ basket tad-ditta li kien fih arloġġ valur ta’ €3,000, mobile u flus kontanti

Mara ta’ 36 sena minn Ħal Qormi baqgħet tinżamm arrestata wara li kienet mixlija fil-Qorti li serqet basket tad-ditta magħrufa li fih kien hemm arlogg li jiswa €3,000, mobile u madwar €1,300 fi flus kontanti. Julie Galdes ġiet mixlija li wettqet din is-serqa l-Ħamis 18 ta’ April minn vettura pparkjata fi Triq it-Turisti, San Pawl il-Baħar.

Meta l-Pulizija ġabret il-filmati mill-cameras tas-CCTV fil-madwar nnutat lill-akkużata b’ġakketta roża tħares lejn il-vittma u timxi fid-direzzjoni tal-karozza. Aktar tard l-istess mara tidher miexja lura bil-basket f’idha.

Il-Pulizija ġabret ukoll filmati minn lukanda fejn l-akkużata tidher tfittex fil-basket, toħroġ il-flus u tgħoddhom. Fil-lukanda sabet il-basket tal-vittma mingħajr l-oġġetti fih. Il-mobile ġie interċettat f’Tal-Pietà u wassal għall-arrest tal-mara.

L-akkużata wieġbet mhux ħatja imma għalkemm talbet għall-ħelsien mill-arrest din kienet miċħuda mill-Maġistrat Charmaine Galea. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Warren Galea.