Sport

Mtarfa Futsal jirbħu l-ewwel finali tal-Enemed Women’s Futsal League

Mtarfa Futsal rebħu l-ewwel finali tal-Enemed Women’s Futsal League meta għelbu lil Lija Athletics A 10-9 wara l-għoti tal-penalties.

Kienet logħba ferm bilanċjata bil-vantaġġ jalterna minn tim għal ieħor u bir-riżultat inċert sal-aħħar. Sa tmiem l-ewwel ħamsin minuta regolamentari, l-iskor kien 4-4 sabiex il-logħba kellha tmur għall-ħin barrani u filwaqt li kull tim skorja gowl kull wieħed, baqgħet parita assoluta.

Kellhom ikunu l-penalties li ddeterminaw ir-rebbieħ ta’ dan l-ewwel konfront li ntlagħab fil-Padiljun ta’ De La Salle, bi Mtarfa jiskorjaw il-ħames xuttijiet tagħhom u b’Lija li jfallu wieħed mill-penalties.

Irena Drugovic u Ruth Steer Cheetham skorjaw żewġ gowls għal Lija b’Michela Felice li żżid ieħor għat-tim tagħha.

Mtarfa rrispondew minn doppjetta ta’ Demi Magrin u gowls oħrajn ta’ Shania Spiteri, Charlene Cassia u Janice Pace.

Fl-għoti tal-penalties, Mtarfa skorjaw permezz ta’ Charlene Cassia, Demi Magrin, Shania Spiteri, Yanika Debono u Janice Pace.

Lija skorjaw erba’ penalties minn Izabella Camilleri, Michela Felice, Irena Drugovic u Ruth Steer Cheetham b’Jamine Vella Turner li falliet il-penalty tagħha.

Iż-żewġ naħat jiltaqgħu nhar il-Ħamis li ġej fejn b’rebħa Mtarfa jirbħu l-kampjonat, b’Lija li jridu jirbħu akkost ta’ kollox sabiex jisforzaw it-tielet finali.

Skor Finali: Mtarfa 10 Lija 9 (wara l-għoti tal-penalties).

Referees kienu Danilo Francalanza u Clint Cassar.

Timekeeper kien Jonathan Balzan.