Id-diriġenti tal-Knisja Parrokkjali tal-Birgu se jorganizzaw Open Weekend tal-Kumpless tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz il-Birgu, bl-isem St Lawrence Hidden Gems, nhar il-Ġimgħa 26, is-Sibt 27 u l-Ħadd 28 ta’ April 2024.
F’dan l-Open Weekend il-pubbliku se jkun jista’ jgawdi dak li għal diversi raġunijiet mhux dejjem ikun għall-wiri. Xi wħud mill-oġġetti jintużaw f’festi partikolari u oħrajn huma merfugħa b’għożża f’imkejjen differenti tal-knisja.
Il-viżitaturi se jgħaddu minn esperjenza unika billi flimkien mal-knisja u l-oratorji se jżuru wkoll postijiet li normalment ikunu magħluqin għall-pubbliku bħalma huma l-Awla Kapitulari, il-kripti u l-kampnar tal-knisja.
Waqt l-Open Weekend se jkun hemm ukoll diversi tours iggwidati bil-Malti u bl-Ingliż minn diversi gwidi taħt id-direzzjoni ta’ Glorianne Mizzi, rappreżentazzjonijiet ta’ ġrajjiet storiċi minn diversi atturi, re-enactments mill-grupp In Guardia, kunċerti mużikali bis-sehem ta’ korijiet u tal-Banda Vittoriosana San Lawrenz u bosta attivitajiet oħra.
Din l-opportunità tesperjenza l-aspetti storiċi, reliġjużi u kulturali li joffri l-kumpless tal-Knisja Konventwali ta’ San Lawrenz, il-Birgu – Ġawhra moħbija għalik x’tiskopri!
Dan l-avveniment qed ikun organizzat mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz, bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu u bl-għajnuna tal-MTA, tal-Fondazzjoni Kottonera, Esplora u Heritage Malta.
//= $special ?>