Lokali

Robert Abela jeloġja l-viżjoni li kellu l-Partit Nazzjonalista meta daħħal lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea – PN

European Union, 2023 - Source: EP - Laia Ros

Robert Abela kkonferma l-viżjoni li dejjem kellu l-Partit Nazzjonalista għal pajjiżna meta, fid-diskors tiegħu tal-lum, elenka l-biżibilju benefiċċji tas-sħubija sħiħa ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.

Kellhom jgħaddu 21 sena minn mindu l-Partit Nazzjonalista sieħeb lil pajjiżna fl-Unjoni Ewropea biex il-Partit Laburista jammetti li minn din il-viżjoni gawda u għadu jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Fi kliem Robert Abela stess “il-benefiċċji l-aktar tanġibbli u viżibbli tas-sħubija huma dawk li effettwaw l-aktar lin-nies”.

Li kieku dakinhar smajna mil-Labour, Malta qatt ma ssieħbet fl-Unjoni Ewropea u l-ebda Malti u Għawdxi ma kien igawdi minn dawn il-benefiċċji.

Meta l-Partit Nazzjonalista stinka biex nissieħbu fl-Unjoni Ewropea, għamel dan biex jibbenefika minnha kulħadd.

U sal-lum, il-Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti għadhom iwettqu ħidma imprezzabbli mhux biss għal Malta u Għawdex, iżda għall-Ewropa kollha.