Lokali Qorti

Robert Aqulina jixhed dwar kif Anġlu Gafà qed jibqa’ ċass fil-konfront tal-kriminali tal-Bank Pilatus

In-Nutar Robert Aquilina, Eks President tal-NGO Repubblika, xehed fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Nadine Lia dwar kif il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qed jibqa’ ċass fil-konfront tal-kriminali tal-Bank Pilatus.

Dan intqal f’seduta fil-Qorti tal-Maġistrati fil-kawża ta’ Repubblika kontra l-Kummissarju tal-Pulizija fi sfida li l-NGO qed tagħmel lill-istess Kummissarju fil-Qorti. Aquilina ppreżenta evidenza fil-ġlieda ta’ Repubblika biex titwaqqa’ d-deċiżjoni, hekk imsejħa oxxena tal-Kummissarju tal-Pulizija li ma jobdix l-ordni li tah il-Maġistrat Ian Farrugia u jressaq il-Qorti lill-kriminali tal-Bank Pilatus.

Fost oħrajn spjega li għall-kuntrarju ta’ dak li għamlu l-Pulizija Taljana ftit tax-xhur ilu meta arrestaw lill-boss tal-MAFIA Matteo Messina Denaro, uffiċjali tal-Pulizija Maltin spjegaw li x-xhud li Angelo Gafà mhux qed jagħmel sforz serju biex Ali Sadr Meshimenejad isir sforz biex jinsab u jiġi estradit lejn Malta.

Huwa fakkar ukoll kif dan il-ħabib intimu ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri, għamel ħsara enormi lir-reputazzjoni ta’ Malta, tant li konna ġejna greylisted. Ix-xhud ippreżenta wkoll aktar provi dwar dak li sejjaħ ‘cover up’ li wettqet l-Eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Alexandra Mamo bil-kompliċità tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg biex teħles mill-ħabs lill-kriminali tal-Bank Pilatus.

Huwa qal ukoll li għandha ssir ġustizzja fuq il-każ oxxen li fih il-politiċi għenu lill-kriminali biex jużaw lil Malta bħala ċentru għall-ħasil tal-flus. “Nafu li għandna raġun. Jivvintaw kemm jivvintaw intoppi, se niżguraw li dan ir-raġun neħduh.

“M’aħniex se nittolleraw li f’pajjiżna jibqa’ jkun hawn klassi ta’ nies li jitqiesu li huma ‘l fuq mil-liġi,” qal Aquilina. Din il-ġlieda favur pajjiżna ser inkompluha sakemm intemmuha b’suċċess, temm jgħid ix-xhud. Għal Repubblika qed jidher l-Avukat Jason Azzopardi bil-każ ikompli fit-3 ta’ Ġunju.