Lokali

Russu li xtara l-passaport Malti ħati li ħasel miljuni ta’ ewro

Iż-żagħżugħ ta’ 24 sena Semen Kuksov – iben biljunarju taż-żejt Russu – ġie kkundannat ħames snin u seba’ xhur ħabs fir-Renju Unit talli ħasel aktar minn €14-il miljun fi flus kontanti. Kemm Kukson kif ukoll missieru ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija fl-2022 permezz tal-iskema tal-passaporti; ġimgħat biss qabel Malta ssospendiet il-bejgħ tal-passaporti lir-Russi minħabba l-kunflitt fl-Ukrajna.

Kuksov ammetta lir-rwol tiegħu f’dan il-ħasil tal-flus, flimkien ma’ kompliċi ieħor, li mexxa l-operazzjoni illegali billi juża couriers biex trasporta flus barra mill-pajjiż. B’kollox, huma ħaslu 14-il miljun fir-Renju Unit u €169,000 fl-Irlanda.

It-Times qed tirrapporta li l-organizzazzjoni responsabbli għall-programm tal-passaporti, qed tanalizza l-każ ta’ Kuksov u jaf tikkunsidra revoka taċ-ċittadinanza taz-żagħżugħ Russu.

S’issa, il-missier Kuksov li huwa figura prominenti fl-industrija taż-żejt fir-Russja, għadu ma ġiex implikat b’konnessjoni mal-attivitajiet kriminali ta’ ibnu.

Hu kien applika għaċ-ċittadinanza Maltija fl-2019.

L-avukati tiegħu saħqu li hu segwa l-proċeduri neċessarji u aġġorna l-files tal-kumpanija tiegħu biex jirriflettu ċ-ċittadinanza Maltija tiegħu.

Il-programm tal-bejgħ tal-passaporti, matul is-snin kien popolari ferm fost ir-Russi. Iżda beda jaffaċċja skrutinju akbar wara l-invażjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna – bil-Kummissjoni Ewropea targumenta li qed tikser il-liġi tal-UE minħabba riskji ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni.