‘God of Carnage’, miktub oriġinarjament bil-Franċiż minn Yasmina Reza u tradott għall-Ingliż minn Christopher Hampton, hu dramm li se jieħu lill-udjenza tat-Teatru Manoel fuq vjaġġ li jesplora n-natura umana. Il-kast se jkun magħmul minn erba’ atturi rinomati ferm lokalment: Chris Dingli, Charlotte Grech, Chiara Hyzler u Pierre Stafrace.
‘God of Carnage’ hija ‘dark comedy’ eċċezzjonali li ttellgħet għall-ewwel darba fl-2006 f’Zurich fejn imbagħad rebħet il-‘Moliere Award for Best Play’ f’Pariġi. Fl-2008 għamlet id-debut tagħha fil-West End b’kast li inkluda lil Ralph Fiennes, Tamsin Grieg, Ken Stott u Janet McTeer. Fid-debut ta’ Broadway fl-2009, il-kast kien magħmul minn Jeff Daniels, Hope Davis, James Gandolfini u Marcia Gay Harden. Minn dakinhar sal-lum, dan id-dramm ittella’ f’bosta teatri madwar id-dinja kollha, fejn ġibed lejh udjenzi numerużi
Din il-produzzjoni se tieħu lill-udjenza f’sitwazzjoni ta’ kunflitt li tiżviluppa bejn żewġ koppji ġenituri, meta jiltaqgħu sabiex jiddiskutu argument li kien hemm bejn uliedhom li għandhom 11-il sena. Hekk kif tikber u tiżdied it-tensjoni, din il-produzzjoni toffri kummentarju mill-aqwa dwar id-dinamika tas-soċjetà moderna li qed ngħixu fiha llum.
Għalhekk titilfux din l-opportunità biex taraw din il-produzzjoni li se tesplora n-natura umana u ċ-ċivilizzazzjoni.
‘God of Carnage’ se tittella’ fit-Teatru Manoel bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju fit-8 ta’ filgħaxija. Wieħed jista’ jikseb il-biljetti minn fuq is-sit elettroniku www.teatrumanoel.mt jew mill-box office tat-Teatru Manoel, il-Belt Valletta.
//= $special ?>