Lokali

Il-GWU wkoll tappella għal aktar infurzar u sigurtà fil-postijiet tax-xogħol

Il-General Workers’ Union fi stqarrija appellat għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema li għandhom sengħa fil-kapaċitajiet tagħhom flimkien ma’ miżuri aktar b’saħħithom għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.

Il-GWU spjegat li ftit ġranet ilu tlifna ħaddiem Albaniż ta’ 51 sena wara li ġġarraf saqaf ta’ dar f’Tas-Sliema hekk kif flimkien ma’ ħaddiem ieħor Albaniż, kienu qed jaħdmu f’residenza li fiha kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni.

Filwaqt li l-General Workers’ Union tinsab dispjaċuta u tgħaddi l-kondoljanzi lill-qraba ta’ dan il-ħaddiem, tkompli tisħaq dwar il-ħtieġa li jissaħħu kemm jifilħu l-miżuri għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Li jkunu osservati r-regoli li qed jidħlu fuq l-iSkills Card.

Tisħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ infurzar fuq kull min qed jikser il-liġi u jabbuża minn persuni barranin li jiġu f’pajjiżna b’ambizzjonijiet ta’ xogħol u futur, u minflok jiġu użati billi jitħaddmu f’postijiet tax-xogħol li jistgħu jkunu ta’ periklu għalihom hekk kif ma jkunux imħarrġa f’dak ix-xogħol partikolari.

“F’Malta m’għandniex bżonn kwantità imma kwalità,” saħqet il-GWU. “Ħaddiema mħarrġin li jikkontribwixxu fl-ekonomija ta’ pajjiżna u għalhekk jiswa li jkun hemm tqabbil bejn il-ħiliet meħtieġa mill-kumpaniji f’Malta u ħaddiema xierqa li jiġu rekluti minn barra pajjiżna. Dan se jissalvagwardja l-interess tal-ħaddiema u jitħaddmu fl-impjieg skont il-kapaċitajiet tagħhom.”