Atlas Insurance tellgħet wirja biex tiċċelebra l-mitt sena ta’ storja tagħha. “Centennial Chronicles: Celebrating Malta’s Commercial Legacy,” tinsab għaddejja bħalissa f’The Malta Chamber, fil-Belt Valletta. Din il-wirja unika, li se tibqa’ miftuħa sat-28 ta’ Mejju, mhux biss hija ċelebrazzjoni tal-vjaġġ ta’ 100 sena ta’ Atlas Insurance, iżda tagħti ġieħ lill-istorja kummerċjali ta’ Malta.
Il-wirja toffri lill-viżitaturi vjaġġ fl-iżvilupp ekonomiku, l-istorja kulturali u d-dinamika politika ta’ Malta, li huma marbutin sew man-narrattiva ta’ Atlas Insurance. Minn dokumenti tal-assigurazzjoni ta’ qabel is-seklu 20 għal rikostruzzjoni ta’ uffiċċju ta’ madwar l-1920-1930, il-wirja turi l-evoluzzjoni tal-industrija tal-assigurazzjoni b’mod parallel mal-evoluzzjoni soċjali u ekonomika tal-pajjiż, hekk kif adattat biex tirrifletti l-ħtiġijiet u r-riskji li nbidlu tul iż-żmien.
Catherine Calleja, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Atlas Insurance, ikkummentat: “Dan il-proġett ilu fit-tfassil. Atlas Insurance għażlet li tibni wirja tal-istorja kummerċjali f’Malta, aktar milli tikkonċentra fuq il-vjaġġ tagħha biss, u tenfasizza l-fatt li huwa l-wirt kummerċjali tal-klijenti tagħna li fassal l-istorja ta’ Atlas Insurance u għamel lil Atlas dak li hi llum.”
Il-kuratur tal-wirja hija Justine Balzan Demajo, filwaqt li r-riċerka saret mill-arkivista Nikolai Debono. Il-wirja hija miftuħa mit-Tnejn sal-Ġimgħa, bejn it-8am u l-4.30pm, sat-28 ta’ Mejju. Qed ikun hemm bħalissa tours kuratorjali ta’ kuljum għall-ħin ta’ nofsinhar.
Se jsiru wkoll lectures minn Liam Gauci, Dr Philip Farrugia Randon u Dr Mario Brincat, li se jitfgħu dawl fuq diversi aspetti tal-istorja kummerċjali, mill-piraterija għall-memorji tal-Belt Valletta f’nofs is-seklu għoxrin, sal-istorja ekonomika bejn l-1945-1959. Il-prenotazzjonijiet għal dawn il-lectures u għal tours kuratorjali filgħaxija huma disponibbli online permezz tal-websajt tal-Atlas Insurance.
//= $special ?>