Lokali Qorti

Biżżejjed provi biex Silvio Grixti u sħabu jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża

Il-Magistrat Rachel Montebello ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex l-Eks Deputat Laburista Silvio Grixti flimkien ma’ erba’ minn sħabu jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.

Dan hekk kif issoktat il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Silvio Grixti, Dustin Caruana, Manuel Spagnol, Luke Saliba u Roger Agius li  jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus, frodi u organizzazzjoni kriminali. Fil-ġbir tal-provi li nstemgħu t-Tlieta, l-Avukat Franco Debono oġġezzjona għal ħatra ta’ espert tal-Qorti biex jagħmel estrazzjonijiet ta’ data mill-laptop tal-Eks Deputat Laburista.

F’seduta preċedenti rriżulta kif kienet tintalab is-somma ta’ €5,000 lil dawk li kienu jieħdu l-benefiċċji soċjali. Persuni li diġà tressqu quddiem il-Qorti u ammettew li ħadu benefiċċju b’mod irregolari, qalu lill-Pulizija li persuni mejta fasslu l-ftehim.

Il-Qorti lbieraħ warrbet ukoll dak li ressqet id-difiża b’dubji dwar il-kontrolli legali dwar dak li rriżulta mix-xhieda li taw l-eperti legali f’dan il-każ.

L-Avukat Debono ressaq l-oġġezzjoni fuq l-estrazzjonijiet ta’ data mil-latop ta’ Silvio Grixti, u qal li kien qed joġġezzjona mhux għax ma kellux fiduċja fl-esperti, iżda għax qal li pajjiżna għadu lura fejn jidħol dan l-aspett, u dan lanqas mhuwa tort tal-Qorti li l-Avukat Debono qal li għandu fiduċja sħiħa fiha.

“Il-klijent tiegħi huwa tabib. Għandu ħafna data li hija ta’ persuni oħra li mhumiex involuti fil-każ. Meta d-data tiġi estratta u eżaminata, Din se tkun viżibbli wkoll għall-espert tal-Qorti. “Għaliex se tkun tista’ sseħħ? Din is-sitwazzjoni toħloq ukoll problemi fuq data protection fejn jidħol mard u anke każijiet intimi. M’għandhiex strutturi adekwati għal dan kollu f’dan il-pajjiż,” kompla jgħid l-Avukat Debono.

Kompla jgħid li l-espert se jkollu l-laptop biex jiġi eżaminat. “Fejn se jkun qed jiġi eżaminat dan il-laptop u se jkun hemm il-cameras?” staqsa l-Avukat Debono. “Se jkun supervised? Dan huwa kollu sensittiv f’dan il-qasam, l-aktar meta għandek tabib li għandu din l-informazzjoni kollha”.

L-Avukat saħaq li l-lap top ma ġiex preservat sew. Forsi għal ‘the man in the street dan ma jiswa xejn imma fejn jidħlu l-provi, dan differenti. Ma nafux kif minn ġo eveleope spiċċa f’’evidence bag’. “Kif spiċċa hemm u għaliex. Min min u min ħa d-deċiżjoni. Kif ittieħdet id-deċiżjoni,” kompla jistaqsi.

L-Avukat Debono qajjem ukoll il-punt tal-laboratorju tad-droga li sal-lum għadu mhux akkreditat.

L-Avukat Abigail Caruana Vella, mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, qalet li l-estrazzjoni ta’ data diġa qiegħda fl-atti tal-każ, u li dan ġie esebit minn naħa tas-‘cyber crime’ u li d-difiża dwar dan ma ilmentatx. Wieħed irid jistaqsi dwar ir-raġuni li dan il-punt qam issa, u fejn f’seduta oħra d-difiża kienet qed tilmeta dwar in-nuqqas ta’ Inkjesti Maġisterjali.

Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet dwar il-ħatra ta’ espert mill-partijiet u wara li qieset l-oġġezzjoni tad-difiża, qalet li għandha tilqa’ t-talba tal-prosekuzzjoni għax trid tiġbor l-evidenza u li d-data hija waħda materjali u rilevanti u li l-Qorti trid tiġborha u tippreservaha.

Il-Qortj se taħtar espert għat-teknoloġija u informatika biex jagħmel estrazzjoni għax hu d-dmir tal-Qorti li tiġbor l-evidenza kollha. Madankollu kompliet tgħid il-Maġistrat Montebello, il-prosekuzzjoni trid tidentifika id-data li hi relevanti biss għal dan il-każ u għandha ssir estrazzjoni għad-data li hi biss relevanti għal każ.

Għal dan il-għan il-Qorti qalet ukoll li qed tipprojbixxi lill-partijiet milli jgħaddu xi informazjoni u li diġà saret mill-Pulizija tas-cybercrime u li ma jaqsmu xejn minn din l-informazzjoni jew jgħadduha jew jiżvelawha sakemm il-Qorti ma tordnax mod ieħor.

Il-Qorti ordnat lil espert li se jinħatar biex jindika x’miżuri se jkun ħa biex jassigura li d-data ma tiġix kontaminata bl-ebda mod, il-metodu tal-estrazzjoni li se tintuża u s-salvagwardji li se jittieħdu biex din ma tiġix fil-pusses ta’ terzi persuni jew tiġi aċċessata u l-post minn fejn se ssir l-estrazzjoni.

Il-Qorti qalet li se tkun qed tordna wkoll li jiġi recorded il-proċess kollu tal-estrazzjoni mill-bidu sal-aħħar u dan biex tindirizza l-materji sollevati mid-difiża. Tenniet ukoll li se tkun qed tirriżerva li tagħti aktar direttivi fi stadju ulterjuri jekk tqis li hekk huwa meħtieġ.

L-Avukat Josè Herrera, li qed jidher għal Luke Saliba, tenna li t-talba mill-prosekuzzjoni għal estrazzjoni ta’ data qed issir tard.

L-Avukati Micheal Sciriha, Lucio Sciriha u Roberto Spiteri qed jidhru għal Caruana u Spagnol. L-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru għal Agius, filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono qed jidhru għat-Tabib Grixti. Għal Saliba qed jidhru l-Avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Abigail Caruana Vella u Charmaine Abdilla mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Andy Rotin, Wayne Borg u Shaun Friggieri. Għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qed tidher l-Avukat Anita Giordimaina.

Il-kumpilazzjoni tkompli fid-29 ta’ Mejju li ġej fil-11.30am.