Lokali Parlament

Għandu jitfassal pjan ta’ żvilupp sostenibbli għal kull lokalità


Bernice Bonello, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Bernice Bonello appellat fil-Parlament biex jitfassal pjan ta’ żvilupp sostenibbli għal kull lokalità.


Bernice Bonello qalet li l-poplu qed iħoss l-effetti tal-kostruzzjoni u tat-traffiku, u qalet li fil-Fgura l-awtoritajiet qed joħorġu permess wara l-ieħor b’konsegwenzi negattivi fuq ir-residenti. Il-gvern għadu ma tax indikazzjoni li se jixtri spazji miftuħa fil-Fgura. L-erba’ artijiet kbar li se jinbnew se jsarrfu f’400 appartament, ħwienet u kumpless kummerċjali.


Id-deputat Nazzjonalista qalet li anki f’Santa Luċija hemm problemi ta’ kostruzzjoni esaġerata. Minflok jara kif se jissalvagwardja l-ambjent, il-gvern jinjora l-karba tal-poplu Malti.


Dan kollu qed isir f’isem l-ekonomija u mhux fl-interess tal-poplu, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li l-PN jemmen fil-bilanċ bejn poplu b’saħħtu u kuntent, u l-ekonomija.


Bernice Bonello kompliet li Malta għandha fost l-inqas rati ta’ twelid u ż-żgħażagħ qed jippreferu jmorru jgħixu barra minn Malta. Minkejja dan, il-gvern mhux preokkupat b’din is-sitwazzjoni. Għal min qed ikun sostenibbli l-iżvilupp li qed isir?


Jeħtieġ li jkun hemm pjan ta’ żvilupp sostenibbli għal kull lokali, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li anki f’lokalitajiet moderni bħas-Swieqi, hemm il-problema ta’ kostruzzjoni esaġerata.