Internazzjonali

Il-Ġermanja: Tħassib dwar l-allegati attivitajiet ta’ spjunaġġ għaċ-Ċina fi ħdan il-Parlament Ewropew

Il-Ministru Ġermaniż għall-Intern, Nancy Faeser, qalet li kwalunkwe konferma li ċ-Ċina setgħet kellha spjun attiv fil-Parlament Ewropew għandha tikkonsolida s-suspetti dwar attakk speċifiku fuq id-demokrazija tal-Ewropa.

Dan meta l-prosekuturi fil-belt Ġermaniża ta’ Dresden arrestaw raġel li kien qed jaħdem għal politiku estremista tal-lemin fuq suspett li hu kien qed jgħaddi l-informazzjoni sensittiva lill-Gvern komunista ta’ Beijing.

Faeser, intant, enfasizzat li l-allegazzjonijiet huma serji għall-aħħar wara li sar magħruf li l-arrestat –  identifikat bħala Jian G – kien assistent għal Maximilian Krah; MEP tal-Partit estremista Alternattiv fur Deutschland (AfD) minbarra li wkoll kandidat fl-elezzjonijiet li jmiss għall-Parlament Ewropew.

Il-Prosekuituri Ġermaniżi qalu li Jian G għadda d-data relatata mal-Parlament Ewropew lis-servizzi sigrieti taċ-Ċina. Intant, ir-raġel hu wkoll suspettat li spjuna fuq il-personalitajiet tal-Oppożizzjoni Ċiniża residenti fil-Ġermanja.

L-allegazzjonijiet ħarġu fi żmien skomdu għall-AfD waqt li Krah qal li sema’ ‘biss’ dwar il-każ tal-assistent tiegħu mingħand il-membri tal-istampa. Hu ħareġ stqarrija fis-sens li ‘l-ispjunaġġ għall-interessi ta’ pajjiż barrani jinvolvi akkuża serja ħafna’.

Dan waqt li l-kelliema għall-AfD sostnew li r-rapporti dwar wieħed mill-impjegati tal-MEP Krah qed iqanqal tħassib fuq livell nazzjonali, u li huma qed jistennew ir-riżultati ta’ aktar investigazzjonijiet min-naħa tal-Prosekutur Pubbliku.