Lokali Parlament

Il-gvern irid iwettaq żvilupp sostenibbli bl-azzjoni u mhux bil-paroli


Alex Borg, PN


Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg qal fil-Parlament li l-gvern irid iwettaq żvilupp sostenibbli bl-azzjoni u mhux bil-paroli.


Alex Borg qal li ilu jingħad ħafna li Għawdex se jimxi lejn żvilupp sostenibbli, iżda l-gvern mexa lil hinn mis-sotenibbiltà. Dan seħħ f’kull settur għaliex il-gvern hu iffukat biss fuq in-numru u fuq tkabbir materjalistiku iżda m’hemmx pjan fit-tul.


Id-deputat Nazzjonalista Alex Borg qal li dan hu kuntraju għall-viżjoni li dejjem kellhom gvernijiet Nazzjonalisti. Mill-viżjoni sostenibbli ta’ gvernijiet Nazzjonalisti l-poplu għadu jgwadu fis-settur marittmu, avjazzjoni, spazji miftua, igaming u bl-Isptar Mater Dei fost proġetti kbar oħra.


Alex Borg kompla li l-iżvilupp sostenibbli ma jwaqqafx l-iżvilupp iżda li jinħolqu ideat ibbażati fuq il-kwalità u mhux il-kwantità. Jeħtieġ li l-komunità kummerċjali tkun kollha flimkien fil-ħolqien ta’ żvilupp sostenibbli; iżda l-pjan irid ikun wieħed ċar li minnu jgawdu l-ġenerazzjonijiet futuri.


Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pjan irid imur lil hinn mill-paroli fieragħ, u jeħtieġ li jkun hemm azzjoni lejn żvilupp sostenibbli li jaċċerta l-kwalità. Din id-diskussjoni għandha tkun waħda ħolistika, sostna Alex Borg, li kompla li f’Għawdex il-gvern għandu ċertifikat li mhuwiex favur is-sostenibbiltà.


Alex Borg qal li f’Taċ-Ċawla fir-Rabat, il-gvern qered l-uniku spazju miftuħ li kien hemm fiz-zona biex bena blokk appartamenti. Il-gvern baqa’ għaddej minn fuq kulħadd u bena mostru ġganstesk f’din iz-zona. Eżempju ieħor hu t-Triq ta’ Marsalforn fejn minflok il-gvern irranġa l-wiċċ tat-triq, il-gvern se jqaċċat 100 siġra biex iwessa’ t-triq.


Il-gvern ilu jwiegħed li se jagħmel xogħlijiet ta’ kwalità għall-Għawdxin f’Għawdex stess fejn il-Gozo Innovation Hub kien idea tajba iżda kien falliment komplet minħabba nuqqas ta’ investiment. Illum hemm biss ħames kupmaniji li jħaddmu 20 persuna fihom.