Lokali Parlament

Il-Gvern ma wettaq ebda żvilupp sostenibbli b’effetti negattivi kullimkien


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech


Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-Parlament li l-gvern ma wettaq ebda żvilupp b’effetti negattivi kullimkien.


Fid-dibattitu parlamentari dwar ir-Rapport tal-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenbbli, Bernard Grech qal li s-sostenibbltà tfisser għaqal fit-tmexxija u sostna li r-rapport tħejja mill-istess ministeru li nesa jippjana għad-domanda tal-elettriku bil-konsegwenza li l-pajjiż se jkollu jagħmel power station temporanja b’nefqa ta’ €37 miljun.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-gvern ma ħasibx għaż-żieda fid-domanda elettrika għax ma kienx għaqli u ħaseb għal-lum biss iżda mhux għall-futur. Bernard Grech qal li l-gvern qed jgħid li fl-enerġija għandu pjan għall-2050 meta lanqas kellu pjan għas-sajf li għadda. Il-fatti huma li n-nies qed jgħidu lill-gvern li ma jafx x’inhu jgħid dwar il-miri futuri.


Il-Kap tal-PN qal li l-pajjiż qatt ma kellu gvern li ma jippjanax daqs dan il-gvern, u spjega kif is-sajf li għadda l-gvern ġab l-iskużi kollha meta nqata’ d-dawl u waħħal fis-sħana tat-tarmac u li marru l-cables ta’ żmien l-Ingliżi. Il-fatti huma li t-tort hu n-nuqqas ta’ ppjanar tal-gvern li ma jaħsibx għall-futur.


Bernard Grech kompla li diversi toroq li ngħataw it-tarmac qed jerġgħu jinqalgħu wara biss ftit xhur minħabba li m’għaddewx il-cables it-tajbin u biex jagħmlu l-infrastruttura biex tilħaq għad-domanda tal-elettriku.


Dan juri li d-dawl mar mhux għax saħnu l-cables iżda għax il-gvern ma ppjanax tajjeb. Il-gvern irid ibiddel ir-rotta li qed imexxi biha dan il-pajjiż. Il-poplu qed jinduna li n-nuqqas ta’ kwalità tal-ħajja kollu ġej min-nuqqas ta’ ppjanar.


Il-flus qed imorru fil-korruzzjoni, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li l-politika ssir bid-direzzjoni, analiżi u deċiżjonijiet. Kulħadd sejjer għal rieħu, sostna Bernard Grech, li kompla li l-ħaddiema bla taħriġ huma responsabbiltà tal-gvern għax daħlet il-mentalità li x-xogħol se jagħmlu l-barrani għax hu orħos u għax il-gvern ma jridx jinvesti fin-nies. Il-gvern għandu jagħti l-opportunitajiet liż-żgħażagħ; iż-żgħażagħ stess illum qed jgħidu li mhux qed jaraw futur f’Malta u jridu jitilqu mill-pajjiż.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-infrastruttura mhijiex tlaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni għax il-gvern ma ħasibx biex jinvesti fiha. Hu kompla li l-gvern mhux jagħmel reazzjoni dwar ir-rimi ta’ drenaġġ fil-baħar proprju meta qabel, il-baħar Malti kien fost l-iktar sabiħ fid-dinja.


Il-pajjiż hu mifni bil-korruzzjoni, tant li n-nies li għandhom bżonn l-għajnuna mhux ikunu megħjuna biex, b’abbuż, qed ikunu aġevolati nies li m’għandhomx dritt li jieħdu l-benefiċċji. Il-gvern ma tax soluzzjoni lill-anzjani li ma jifilħux imorru jirriċiklaw il-fliexken tal-plastic wara li jkunu ħallsu t-tariffi minn qabel.


Hu sostna li l-gvern qered l-agrikoltura fil-pajjiż u appella lill-gvern biex jinvesti fir-riżorsa tal-ilma. Jeħtieġ li t-tfal tal-lum ikollhom futur u tama, sostna Bernard Grech, li tkellem ukoll dwar l-Air Malta u qal li l-Gvern Laburista kien jgħid li kellu pjani kbar għall-Air Malta. Ħadd ma kellu l-kuraġġ iqum u jaqbeż għall-poplu Malti.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-poplu qed jinsteraq mit-taxxi anki fl-għoli tal-ħajja għaliex il-gvern qed jintaxxa ż-żieda tal-COLA. Il-politika ta’ sostenibbiltà hi mhedda bil-korruzzjoni u l-arroganza tal-gvern.
Bernard Grech tkellem dwar it-traffiku u qal li s-soluzzjoni li għandu l-gvern hi s-sagrifiċċji; dan minħabba l-inkompetenza tal-gvern. Sal-2030 suppost il-pajjiż se jkollu sistema ta’ traffku li jiffavorixxu lill-anzjani iżda r-realtà li l-anzjani llum għandhom problemi biex jużaw it-trasport pubbliku.


Hu qal li l-problema tal-faqar żdiedet u kibret, u issa l-gvern qed jgħid li se jeqred il-faqar sal-2030 meta hu kien qal li suppost dan diġà nqered.


Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem fuq il-proposti tal-PN għal dawn l-isfidi iżda l-gvern qed jagħżel li ma jwettaqhomx. Il-gvern hu bla pjan għaliex is-sostenibbiltà tfissser biss kif il-gvern se jżomm il-poter. Il-gvern m’għandux is-soluzzjonijiet għall-problemi li qed jiffaċċja dan il-pajjiż, sostna Bernard Grech, li kompla li l-PN se jibqa’ joffri s-soluzzjonijiet.