Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Assedju premeditat biex Kharkiv tinbidel f’belt inabitabbli

Il-qawwiet tar-Russja, wara l-aħħar suċċessi militari fl-Ukrajna, qegħdin imexxu kampanja sistematika għall-qerda ta’ Kharkiv; it-tieni l-akbar belt Ukrena li fil-preżemt qed iġġarrab sensiela ta’ bumbardamenti bla heda bħala parti mill-pjanijiet tal-Kremlin u tal-President Russu Vladimir Putin.

L-attakki li qed jikkonċentraw fuq iz-zoni ċentrali ta’ Kharkiv, huma intiżi biex jintimidaw lill-poplu Ukren, bil-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, jinsisti li l-Punent għandu jaġixxi b’aktar determinazzjoni biex il-poplu tiegħu ma jibqax aktar suġġett għal ‘dan it-terrur mis-sema’.

L-Istati Uniti u r-Renju Unit, bħala l-akbar alleati tal-Ukreni fil-Punent, huma konxji li l-gwerra fl-Ukrajna – li daħlet fit-tielet sena – kapaċi, ‘il quddiem, taqleb favur ir-Russi b’mod irriversibbli. Għaldaqstant huma qed jimpenjaw dejjem aktar appoġġ militari lill-Ukreni biex ikunu jistgħu jkomplu jiddefendu l-identità u s-sovranità ta’ pajjiżhom.

Fl-aħħar sigħat, il-President Amerikan Joe Biden wiegħed lill-President Zelensky li għandu jitħaffef l-impenn biex l-Ukreni jingħataw aktar armamenti u għajnuna militari oħra biex jirreżistu lil Putin. Dan wara li l-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington, jiem ilu approvat il-pakkett għall-għajnuna lill-Ukreni, ekwivalenti għal aktar minn 65 biljun ewro. Mistenni li l-abbozz tal-għajnuna jkun approvat ukoll mis-Senat ta’ Washington, bil-President Biden itenni li l-appoġġ lill-Ukrajna għandu jinkludi s-sistemi moderni ta’ difiża għal kontra l-attakki mill-ajru.

Sadanittant, il-missili tar-Russi fl-aħħar sigħat qerdu torri tat-televiżjoni fl-inħawi ta’ Kharkiv, lejn il-lvant tal-Ukrajna. Il-filmati li ħarġu ftit wara wrew il-kroll tat-torri iżda mifhum li ma kien hemm l-ebda vittmi peress li l-istaff tal-istazzjon kollha kienu sabu l-kenn fi bnadi oħra, ftit minuti qabel l-attakk.

Madankollu, ir-reġjun partikulari spiċċa mingħajr servizzi tax-xandir b’riżultat tal-attakk u meta, ‘il quddiem, mistennija tkompli l-mewġa tal-attakki fuq Kharkiv.

Fil-fatt, il-President Zelensky, li informa lill-President Biden dwar is-sitwazzjoni terribbli f’Kharkiv, bagħat messaġġ fuq il-media soċjali fejn tenna li ‘l-intenzjoni ċara tar-Russja u ta’ Vladimir Putin hi li jirrendu l-belt ta’ Kharkiv bħala zona inabitabbli u dominata biss mill-qerda tal-bini’.