Lokali

Il-Kap tal-PN Bernard Grech iżur il-furnara f’Ħal Qormi

“Irridu nkomplu napprezzaw il-ħaddiem Malti, il-ħaddiem tas-sengħa li huwa ta’ valur kbir għall-pajjiżna.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel għand Formosa Bakery, f’Ħal Qormi, fejn matulha l-impjegati preżenti bdew jispjegaw il-ħidma tagħhom u x-xogħol importanti li jwettqu ta’ kuljum biex fuq l-imwejjed tagħna jasal ħobż frisk.

Minn naħa tagħhom, il-furnara spjegaw kif fi ġranet partikolari jagħmlu prodotti differenti; b’riħa li żgur tiftaħlek l-aptit. Iżda minn naħa l-oħra huma qalu li x-xogħol iġib miegħu diversi sfidi fost l-oħrajn li mhux qed ikun hawn żgħażagħ li jidħlu għal din is-sengħa.

F’kummenti ma’ Net News, Bernard Grech fakkar kif meta jkollok negozju u tkun taħdem int stess fih … dan iġib miegħu diversi sfidi. Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Minister Jerome Caruana Cilia u mill-Whip tal-Partit Nazzjonalista Robert Cutajar.

Net News tkellem ukoll ma’ Joe Formosa, li huwa wieħed mill-furnara u li flimkien ma’ ħutu ilhom jaħdmu f’dan il-forn għal kważi 40 sena. Formosa fisser li l-akbar sodisfazzjoni għalih huwa li jara lill-klijenti kuntenti bil-prodotti li jixtru, u li jerġgħu jiġu għal aktar.

Waqt din iż-żjara l-furnara wrew kif isiru numru ta’ prodotti fosthom l-ottijiet, il-panini kif ukoll il-ħobża sliced – proċess u teknika li żgur issaħrek u tant li wieħed jibda japprezza aktar is-sengħa tal-furnara.